“19-il jum kwarantina u tlift 12-il Kilo… ngħid lil dawk infettati biex ma jaqtgħux qalbhom” – Infermier f’sala tal-Covid-19

Simon Vella hu magħruf sew fost l-infermieri għad-dedikazzjoni tiegħu. Dejjem lest biex jgħin.  Iservi lill-pażjenti morda bil-Covid-19.  Simon spiċċa pożittiv għall-virus. Ilu dsatax-il jum kwarantina u tilef 12-il kilo. Ma setax jitla’ taraġ.  Minkejja dan qiegħed jappella biex dawk infettati ma jaqtgħux qalbhom.

L-infermier Simon Vella jgħid li “dan l-aħħar kont ma niflaħx sew. Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru 2020 ħriġt pożittiv għall-Covid19. Kien ta’ xokk kbir għalija li rriżultajt pożittiv għax bħala familja l-indafa, il-ħasil tal-idejn, iż-żamma tad-distanza socjali u l-ilbies tal-maskra min dejjem prijorità filwaqt li jiena flimkien ma sħabi ilna minn Marzu naħdmu mal-pazjenti bil-Covid19. Noqogħdu ħafna attenti biex ma niħdux dan il-virus minħabba li kulħadd għandu familja.”

L-infermier Simon Vella saħaq li “ilni dsatax-il ġurnata kwarantina. Fl-ewwel ħamest ijiem xejn lanqas tqaħqiħa, imma mis-sitt ġurnata bdejt b’uġiegħ fl-għadam, deni, sogħla, qtugħ ta’ nifs u ħanqa. Tlift tnax-il kilo fi ftit tal-ġranet, minħabba nuqqas t’aptit u kollox bla togħma. Ma stajtx nitla’ taraġ jew ngħid sentenza sħiħa għax in-nifs ma jtinix. Kont inkun il-ħin kollu kuntatt mat-tabib tiegħi u grazzi għall-mediċini li tagħni illum inħossni aħjar. Biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħazin il-mara u t-tifla ħarġu pozittivi ukoll.”

Jenfasizza li “jiena infermier u naħdem ġewwa sala tal-Covid-19. Apparti x-xogħol ġenerali ta kuljum, bħal ngħinuhom iżommu nodfa u tqassim tal-mediċini u naraw li ma jkun jonqoshom xejn, parti mix-xogħol tagħna f’dan il-mument hekk diffiċli minħabba s-sitwazzjoni preżenti hija li nkunu minn ta’ quddiem biex nagħmlu kuraġġ lill-morda. Issa li jiena ħrigt pożittiv u kont għaddej minn dan kollu messaġġ jew telefonata mingħand sħabi jew tal-familja kien ta kuraġġ u faraġ.”

Simon jgħid ukoll li “nirringrazzja ‘l Alla li fuq il-mara u t-tifla s-sintomi kienu ħfif, imma jiena bħala vulnerabbli s-sintomi kienu aktar kiefra milli stennejt. Lil dawk kollha li qegħdin jiġu pożittivi nixtieq ngħidilhom biex ma jaqtgħux qalbhom. Matul dan  il-perjodu ħadu ħafna ħsiebna minn naħħa tas-saħħa pubblika. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li tabib kif ukoll infermiera mis-saħħa publika, iċemplu biex jaraw kif aħna. Qed ngħid dan kollu mhux biex titħassruni jew tgħidu miskin imma biex dawk kollha li jinsabu pożittivi biex ma jaqtgħux qalbhom, jagħmlu l-kuraġġ u ma jibżgħux.”

“Bħala familja, tgħaddi min dan kollu l-esperjenza kienet waħda negattiva, imma meta tieqaf u taħseb hemm il-pożittiv lejn  x’hiex wieħed irid iħares. Matul dan il-perjodu kellna aktar ħin bħala familja flimkien, tgħallimna napprezzaw aktar il-ħajja u lil ta madwarna.  F’dawn. il-mumenti hekk diffiċli sibna ħafna għajnuna minn tal-familja, ħbieb, minn naħħa tas-saħħa pubblika. Nieħu l-okkażjoni nirringrazzja lill-managment tal-isptar Mater Dei tal-appoġġ. Wara dan kollu s-saħħa mentali tiġi affettwata.  Nixtieq nirringrazzja lill-ħabib kollega tiegħi li qed jgħini”, itemm jgħid Simon Vella.

Share With: