65% tal-proġett tas-Central Link huwa lest… mira li jitlesta sa Ottubru li ġej

Minn Claudio Coleiro

Ix-xogħol fuq il-proġett tas-Central Link miexi b’ritmu tajjeb ħafna tant li sa issa tlesta madwar 65% minnu u l-mira hi li dan il-proġett jitlesta sa Ottubru li ġej. Iddikjara dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, f’kummenti li ta lil dan is-sit b’rabta mal-andament tax-xogħlijiet fuq dan il-proġett.

Il-proġett tas-Central Link, li qed isir b’investiment ta’ €55 miljun, se jwassal biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar, titjieb il-kwalità tal-arja u jinħolqu spazji aktar siguri għall-mezzi alternattivi ta’ vvjaġġar fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali. 

Dan se jkun qed isir bil-bini mill-ġdid ta’ 13-il ħolqa differenti u l-eliminazzjoni ta’ erba’ sistemi ta’ traffic lights tul kuridur ta’ 4.3 kilometri mill-inħawi tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji fl-Imrieħel sar-roundabout ta’ taħt it-Telgħa tas-Saqqajja fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. 

F’Settembru li għadda nfetħet l-ewwel triq ġdida fid-direzzjoni lejn il-Punent, triq li fiha żewġ korsiji u għalissa testendi mill-Imrieħel sa Wied Inċita u ladarba jitlesta l-proġett se tibqa’ sejra sa Ta’ Qali fejn tingħaqad mar-roundabout ta’ taħt it-Telgħa tas-Saqqajja.

Kif spjega tajjeb l-Inġ. Azzopardi, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq fażi oħra tal-proġett, bejn l-imsemmija roundabout u dik li hemm fejn l-Isptar Monte Carmeli. 

Qal ukoll li: “xi ħaġa li kienet ippjanata li ssir aktar tard, u li se nippruvaw nantiċipawha, hi li se nibdew ċertu toroq oħra residenzjali, anke dawk li llum qed jintużaw biex ngħaddu minnhom.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta tenna li fl-aħħar tal-proġett se jkun qed isir ix-xogħol ta’ ‘resurfacing’ tat-toroq fejn se jintuża tip partikolari ta’ asfalt, bħal dak li ntuża fil-proġett tal-Marsa Junction u l-mini ta’ Santa Luċija.

L-impatt ambjentali tal-proġett tas-Central Link

Intant, l-impatt ambjentali tal-proġett tas-Central Link ġie evalwat f’diversi studji indipendenti minn esperti li għarblu l-konsegwenzi tal-proġett fuq l-ambjent. Dawn jinkludu l-effetti fuq l-agrikoltura, il-flora u fawna, it-tniġġis tal-arja u t-tniġġis ikkawżat bl-istorbju tat-traffiku.

Il-perit Robert Zerafa minn Infrastructure Malta qal li l-istudju wera li kif propost, il-proġett se jkun l-aħjar soluzzjoni biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar u biex titjieb il-kwalità tal-arja fil-lokalitajiet b’din it-triq ġdida ta’ erba’ kilometri bejn l-Imrieħel u ta’ Qali.

Qal li mingħajr il-proġett għaxar snin oħra biż-żieda fit-traffiku, il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi kien se jiżdied bi kważi tliet darbiet filgħodu u b’iktar minn erba’ darbiet waranofsinhar. Min-naħa l-oħra, l-istudju juri li l-ħin tal-ivvjaġġar bil-proġett se jonqos bin-nofs.

“Kemm it-titjib fil-capacity ta’ din ir-rotta kif ukoll it-titjieb f’dawn il-junctions… se jeliminaw il-bottlenecks li bħalissa huma s-sors ewlieni għall-pollutants li jiddiġeneraw il-kwalità tal-arja fl-inħawi” qal is-Sur Zerafa.

Il-Perit Zerafa qal li l-istudju dwar il-kwalità tal-arja sar b’monitoraġġ tal-arja li sar is-sena li għaddiet f’diversi tul din it-triq traffikuża. Qal li mill-konklużjonijiet tal-istudju huwa stmat li jekk il-proġett ma jsirx sal-2030, it-trab fl-arja mid-dħaħen tal-karozzi jirdoppjaw u l-emmissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan se jiżdiedu b’terz.

Bil-proġett, it-trab iswed huwa proġettat li jonqos bi 42% filwaqt li l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu se jonqsu bi ħmistax fil-mija.

Share With: