Aaron Farrugia: “Hawn min nesa l-vittmi ta’ inċidenti fil-bini li seħħew snin ilu”

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar Aaron Farrugia sellem il-memorja ta’ Miriam Pace li mietet fit-traġedja fil-Ħamrun tas-sena li għaddiet madankollu sostna li kuntrarjament għal dawk li qed jippruvaw jagħtu impressjoni oħra l-vittmi ta’ inċidenti fil-kostruzzjoni ilhom is-snin.

Huwa irrimarka dan fi tmiem is-seduta li fiha l-Parlament approva mit-Tieni Qari l-abbozz ta’ liġi li se twaqqaf l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.

Farrugia fakkar kif fl-2004 kienu tilfu ħajjithom wara li ġġarrfet blokka bini f’San Pawl il-Baħar Mary Zarb u Nadya Vavilova, Russa li kienet qed titgħallem l-Ingliż għandha; fl-2000 mietet Rita Vella wara li dar biswit tagħha f’Tas-Sliema ċediet u fl-2012 tilef ħajtu Maksims Artamonovs, ħaddiem mil-Latvja li kien qed jaħdem fis-sit fejn hemm il-lukanda Seabank tal-Mellieħa.

Huwa sostna li minkejja li kien hemm persuni li tilfu ħajjithom f’inċidenti relatati mal-bini taħt l-amministrazzjoni preċedenti huwa ma ippruvax jagħmel gwadann politiku kif hawn min qed jipprova jagħmel bil-mewt ta’ Pace.

Farrugia nsista li huwa jrid li jibdel in-narrativa tal-industrija tal-bini mhux permezz ta’ xi eżerċizzju fir-relazzjonijiet pubbliċi imma bir-riformi meħtieġa ħalli waqt li l-pajjiż jibqa’ jgawdi minn din l-industrija importanti n-nies ikuni protetti waqt il-kostruzzjoni.

Huwa nsista li r-riforma trid issir mal-‘stakeholders’ kollha, fosthom kuntratturi u periti, u saħaq li ma kienx se jħalli ftit kuntratturi jitfgħu dell fuq sħabhom bi prattiċi perikolużi.

Fl-istess waqt il-ministru responsabbli mill-ambjent sostna li ma kienx se jħalli lil dawk il-“ponn żgħir ta’ nies” li għalihom il-kuntratturi huma kriminali joqtlu din l-industrija li hija importanti għall-ekonomija lokali.

Share With: