AĠĠORNAT: L-awtoritajiet tas-saħħa jiċħdu li se jingħalqu l-iskejjel

L-awtoritajiet tas-saħħa ċaħdu illi taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex l-iskejjel ma jinfetħux kif allegat l-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT).

Kienet l-MUT li ftit qabel id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci, indirizzaw lill-pubbliku bl-aħħar żviluppi relatati mat-tilqima tal-Covid-19 li qalet li ġiet infurmata illi l-awtoritajiet tas-saħħa kienu taw dan il-parir.

Dan fid-dawl taż-żieda qawwija ta’ każijiet pożittivi proġettati li pajjiżna se jesperjenza fil-jiem li ġejjin. L-MUT qalet li l-imsemmija informazzjoni waslitilha minn numru ta’ sorsi differenti. 

L-MUT qalet ukoll li għamlet talba formali sabiex il-gvern jimxi mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Qalet li jekk dan mhux ser iseħħ, il-union ma jibqgħalhiex triq oħra ħlief li b’responsabbiltà kbira tagħti struzzjonijiet lill-membri tagħha. 

Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar dan, Prof. Gauci qalet li: f’din l-aħħar ġimgħa rajna li kien hemm żieda (fil-każi) speċjalment fi tfal żgħar. Informajna lill-Ministeru responsabbli mill-Edukazzjoni u flimkien ħdimna biex kif diġà hemm il-mezzi ta’ mitigazzjoni fl-iskejjel, dawn jissaħħu wkoll.”

Hija qalet illi l-iscreening li qed isir qabel it-tfal jidħlu l-iskola se jkompli jiġi applikat b’mod rigoruż. Fl-istess ħin, appellat lill-ġenituri biex jekk it-tfal iħossuhom morda ma jibagħtuhomx l-iskola. 

“Biex inkunu nistgħu jirnexxilna nkomplu nżommu l-iskejjel miftuħin, irrridu l-koperazzjoni ta’ kulħadd. Għandna esperjenzi ta’ x’ġara barra minn Malta fejn kien hemm skejjel li kellhom jagħlqu. Aħna rnexxielna sa issa ma nagħlqux l-iskejjel,” qalet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Share With: