AĠĠORNAT: “Qasam tas-saħħa sostenibbli jara qligħ mingħajr ma jintalbu jħallsu l-pazjenti Maltin u Għawdxin”

Ritratti: ALAN SALIBA

1:45 p.m: Muscat qal li hu ma intervjena f’ebda proċess tal-għażla u li din saret fuq il-kriterji li kienu fir-Request for Proposals. Qal ukoll li dan tant kien imfassal tajjeb li beda jintuża bħala benchmark.

1:30 p.m: Muscat fakkar li biex sar l-Isptar Mater Dei li kellu jieħu bejn sitt u seba’ snin, dam 18-il sena u li fl-aħħar mill-aħħar irriżulta li kien żgħir wisq. Min-naħa tiegħu kompla biex jgħid li biex isiru l-bidliet li kien hemm bżonn kellha tintuża sistema ta’ DNO’s, iżda l-oppożizzjoni min-naħa tagħha għamlet pressjoni mal-UE biex jittieħdu passi kontra dan il-gvern li kien qiegħed jgħaġġel iżżejjed dwar it-tibdiliet fl-isptarijiet.

Tkellem dwar l-interess tal-kumpanija Amerikana li kienet qiegħda tara kif tespandi l-orizzonti tagħha u li riedet tidħol f’pajjiżna. Qal li kien ikun gvern irresponsabbli li kieku ma sar xejn dwar dan. Żied ifakkar li skont ir-regoli tal-UE dwar l-użu tal-fondi pubbliċi, l-uniku mod li seta’ jsir żvilupp sostenibbli u aċċellerat kien bl-involviment tas-settur privat.

Muscat għamel referenza għal dak li qed jiġri bħalissa fil-Parlament Ewropew u kif MEPs qed jiġu awtorizzati jieħdu ċertu proċeduri b’restrizzjonijiet u bi ftehim li ma jagħtux dettalji ta dak li jaraw. Dan qalu biex qiegħed kollox f’kuntest u jfiehem li hu ma jistax jippreżenta kollox għax ikun qiegħed jikser il-liġi.

Kompla biex jgħid li din hija kwistjoni ta’ sostenibbilità u li dan jirrikjedi li nkunu kapaċi ndaħħlu l-flus mill-qasam tas-saħħa mingħajr ma jkollhom jintalbu jħallsu l-pazjenti Maltin u Għawdxin. Dan jista’ jsir billi jiġu pazjenti barranin li jħallsu jew studenti barranin li jiġu biex jistudjaw f’pajjiżna. Fakkar li kien għalhekk li b’dan l-investiment setgħet tinfetaħ l-iskola medika ta’ reputazzjoni internazzjonali f’Għawdex.

12:45 p.m: Muscat qal ukoll li minkejja xnigħat li l-kuntratt dwar l-isptarijiet ifisser li t-tax payer qiegħed iħallas €250,000 kuljum mhumiex veritiera.

L-eks Prim Ministru qal li l-Isptarijiet tal-Gvern u tal-poplu Malti baqgħu u li ħadd ma bigħhom, il-kuntratt kien ta’ ċens temporanju mogħti għal 30 sena. Dan ifisser li fl-aħħar mill-aħħar dawn baqgħu tal-poplu.

Rigward għajdut li ma sar xejn fl-isptarijiet Muscat qal li milli jista’ jiftakar hu kien hemm l-iskola medika ġdida f’Għawdex, żieda ta’ 28 sodda f’Karen Grech għall-pazjenti bil-Covid-19, titjib fl-Air Ambulance bejn Għawdex u Malta, sar laboratorju kliniku ġdid fl-Isptar t’Għawdex u kienet inawgurata Orthotics u Prosthetics Unit fl-Isptar Karen Grech.

12:35 p.m: Jibda jixhed l-eks Prim Ministru Joseph Muscat

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat beda biex jgħid li meta nħatar bħala Prim Ministru sab li d-Dipartiment tas-Saħħa kien qiegħed jikkrolla u li ma kienx hemm flus biex jinxtraw il-mediċini aħseb u ara kemm seta’ jsir investiment.

Kien żmien li gvern Laburista kellu jaffaċċja diversi sfidi, b’pazjenti jispiċċaw fil-kurituri u b’hekk kellha tittieħed deċiżjoni li l-Isptar San Luqa jerġa’ jibda jiffunzjona bħala sptar. Kien hemm bżonn ta’ refurbishment qawwi biex dan l-isptar jerġa’ jsir post ta’ rijabilitazzjoni, iżda mil-lat finanzjarju kienet xi ħaġa diffiċli. Muscat żied jgħid li kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li jiddaħħal il-privat fis-settur tas-saħħa.

Minn hemm kienet saret preżentazzjoni lill-Kabinett u rriżulta li kien hemm deċiżjonijiet dwar il-passi li kellhom jittieħdu.

Muscat għamilha ċara li kien hemm board tal-għażla li ħa ħsieb x-xogħol dwar is-sehem tal-privat fil-qasam tas-saħħa. “Jien qatt ma ndħalt fl-ebda proċess għaliex allaħares jindaħal il-Prim Ministru għax jivvizzja l-proċess kollu. Id-deċiżjoni dwar is-sehem tal-privat fil-qasam tas-saħħa kienet tal-Kabinett u mhux tiegħi jew ta’ xi Ministru”, kompla Muscat.

12:30 p.m: Kien mistenni jixhed ukoll l-eks Ministru Konrad Mizzi, iżda din ix-xhieda kellha tiġi poposta minħabba li Mizzi jinsab fi kwarantina mandatorja.

12:00 p.m: L-eks Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jixhed llum fil-każ tal-Vitals miftuħ mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Kien proprju ftit tal-minuti ilu li l-eks Prim Ministru deher dieħel il-Qorti. Warajh deher dieħel ukoll l-eks kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

L-eks kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fi triqtu lejn il-Qorti

Aktar dettalji fil-ħin li ġej…

Share With: