AĠĠORNATA: Mixli li ta n-nar vettura li kienet ta’ pulizija

Denilson Manicaro ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li ta n-nar vettura u li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina.

Il-każ seħħ lejlet l-Ewwel tas-Sena, għall-ħabta tas-2.00 a.m. fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo, Ħal Tarxien x’ħin il-Pulizija sabu Toyota Vitz li kienet qiegħda tieħu n-nar. 

Minn aktar investigazzjonijiet li saru u analiżi ta’ filmati tas-sigurtà, ġie identifikat il-persuna li allegatament wettaq dan ir-reat. 

Ir-raġel ta’ 21 sena kien arrestat tard it-Tlieta filgħaxija u minn tfittxija li saret fil-vettura tiegħu nstabu 31 qartas b’sustanza suspettata kokaina. 

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li l-vettura kienet tappartjeni lil uffiċjal tal-pulizija. Intqal li Manicaro kien ammetta mal-Pulizija li ta n-nar lil dik il-vettura bi żball hekk kif ried jagħmel ħsara lil persuna oħra.

Il-Qorti, wara li rat l-akkużi kontra l-imputat, u l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Sciberras u Paul Camilleri. L-Avukat Franco Debono deher għal Manicaro. 

8:30 a.m: Raġel ta’ 21 sena qiegħed jinżamm mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat ħruq ta’ vettura f’Ħal Tarxien. Wara jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjoni fuq il-movumenti ta’ persuna mill-Pulizija tal- Arsons Unit fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, tard it-Tlieta filgħaxija, ir-raġel ġie arrestat fil-Belt Valletta.

Nhar it-31 ta’ Diċembru, 2020, għall-ħabta tas-2:00 a.m, intalbet l- assistenza tal-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid, fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo, Ħal Tarxien, fejn sabu Toyota Vitz qiegħda tieħu n-nar. Mill-investigazzjonijiet li saru u analiżi ta’ filmati tas-sigurtà, fl-aħħar sigħat ir-raġel ġie identifikat u arrestat.

Wara li ġie arrestat, il-Pulizija għamlet tfittxija fil-vettura tiegħu fejn instabu 31 qartas b’sustanza suspettata kokaina.

Ir-raġel se jitressaq il-Qorti llum, mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett, għall-ħabta tal-11:30 a.m quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri, b’akkużi relatati mal-każ.

Share With: