Alfred Sant

Alfred Sant jesprimi dubju dwar it-trasparenza tal-istrateġija tal-UE għat-tilqim tal-Covid-19

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant esprima dubji dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE dwar it-tilqim tal-COVID-19 u qal li għad fadal ħafna mistoqsijiet xi jsiru dwar it-trasparenza fil-proċess ta’ tqassim tal-vaċċini.

Permezz tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Vaċċini mnedija f’Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat u kkonkludiet ftehim ta’ xiri bil-quddiem ma’ żviluppaturi tal-vaċċini f’isem il-pajjiżi tal-UE.

L-UE tkopri parti mill-ispejjeż tal-produtturi bi tpattija għad-dritt li jixtru ammont speċifikat ta’ dożi tal-vaċċin fi żmien definit u bi prezz partikolari, ladarba jingħataw awtorizzazzjoni għas-suq.

Matul dibattitu plenarju fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li d-direzzjoni komuni tal-UE dwar strateġija biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ vaċċin COVID-19, u l-immunizzazzjoni eventwali tal-popolazzjoni, kien ta’ min ifaħħru u ħaqqu appoġġ ġenerali.

Madanakollu, għad fadal ħafna dubji dwar l-implimentazzjoni tagħha. Qamu lmenti dwar ir-ritmu ta’ kif jitwasslu l-vaċċini fuq livell Ewropew. Minkejja li huma protagonisti ewlenin fil-finanzjament tal-iżvilupp ta’ vaċċin, il-pajjiżi tal-UE għadhom lura fil-mod kif jorganizzaw biex jamministrawha lill-popolazzjonijiet tagħhom.

“Kif saru l-arranġamenti? Kif issa qed jiġu riveduti? U liema restrizzjonijiet tħallew jantiċipaw l-manifattura tal-vaċċin minn firxa usa’ ta’ parteċipanti fis-suq? Kien każ sempliċi ta’ aċċettazzjoni li taħt ir-regoli tas-suq ħieles, il-kumpaniji farmaċewtiċi kellhom bżonn iżommu drittijiet esklussivi fuq il-produzzjoni tal-vaċċini? U x’inhu l-pjan għal distribuzzjoni f’waqtha tal-vaċċini madwar id-dinja?”, staqsa Alfred Sant.

Fix-xenarju attwali tas-saħħa pubblika mad-dinja kollha, vaċċin kontra l-COVID ma jistax ma jitqiesx bħala parti mill-ġid pubbliku. Tgħoġbokx jew le, hija gwerra, qal Alfred Sant. Jekk hemm bżonn biex jiġu żgurati l-mezzi biex tirbaħ il-gwerra, l-oġġetti privati kollha jsiru pubbliċi.

Share With: