Alfred Sant

Alfred Sant jiddefendi s-sovranità tal-Istati Membri tal-UE dwar it-taxxa

L-Ewroparlamenari Laburista Alfred Sant esprima nuqqas ta’ qbil ma’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tfittex li twarrab is-sovranità tal-Istati Membri tal-UE dwar it-taxxa li għandhom taħt it-trattati.

Alfred Sant qal li r-riżoluzzjoni tappoġġja rati minimi tat-taxxa madwar l-Ewropa kollha li jċaħħdu d-dritt leġittimu tal-pajjiżi periferiċi li jistabbilixxu rati tat-taxxa li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li għandhom fis-suq uniku.

Dan jimxi b’mod parallel ma’ eżerċizzju ieħor biex jinkixfu ċerti membri tal-UE li huma ġurisdizzjonijiet ta’ “segretezza” meta, fil-fatt, qed japplikaw il-liġijiet tal-UE dwar it-trasparenza tat-taxxa u l-miżuri kontra l-abbuż.

“Jien assolutament ma nistax nappoġġja proposti sproporzjonati għall-armonizzazzjoni tat-taxxa kif jidher fir-riżoluzzjoni”, qal Alfred Sant.

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew ivvota kontra r-rapport waqt li appoġġa l-oġġettivi tat-tfassil ta’ lista tal-UE ta’ rifuġji fiskali, li permezz tagħha ġurisdizzjonijiet b’mod ċar u konxju jmexxu sistemi ta’ taxxa li jgħinu lil persuni, korporazzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħra biex jevadu jew jevitaw it-taxxi li għandhom iħallsu.

“Naqbel bis-sħiħ li atteġġjamenti bħal dawn għandhom jiġu miġġielda, u huwa għalhekk li nappoġġja ż-żieda fl-iskrutinju pubbliku fil-proċessi tal-Grupp tal-Kodiċi tal-Kondotta li jfassal il-lista” saħaq Alfred Sant.

Sant laqa’ wkoll is-sejħa biex jissaħħu l-kriterji ta’ skrining u biex il-lista ssir aktar effettiva f’ekonomija dejjem aktar diġitalizzata. Il-vot dwar ir-rapport intitolat “Ir-riforma tal-lista ta’ rifuġji fiskali tal-UE” kienet l-ewwel riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew mill-FISC, is-sottokumitat permanenti dwar it-taxxa permanenti li tiegħu Alfred Sant huwa membru.

Share With: