Alfred Sant jisħaq li l-protesti kontra l-flyover tal-Imrieħel huma ġustifikati

L-eks-Prim Ministru Alfred Sant għal darb’oħra kkritika l-pjani ta’ Infrastructure Malta biex tinbena flyover fl-Imrieħel, liema flyover se twassal biex tintuża art agrikola.

F’kumment li ppubblika fuq il-midja soċjali Sant qal li reġa’ ħares lejn il-pjan li kien inħareġ minn Infrastructure Malta dwar il-proġett, madankollu jħoss li wara li fela dak li kellu jifli “l-protesti kontra l-proġett huma ġustifikati bil-kbir”.

Tenna li l-proposta tal-flyover ma twassal għall-ebda valur miżjud “ħlief forsi xi darba għall-promoturi tat-torrijiet tal-Imrieħel”.

Fl-istess waqt qal li ma jridx jemmen li din hija r-raġuni kollha wara l-proposta, u esprima d-dubju tiegħu dwar kemm il-flyover tista’ effettivament tgħin lill-promoturi tat-torrijiet tal-Imrieħel.

Żied jisħaq li l-aħjar għajnuna f’dan il-każ ikun li ssir organizzazzjoni aħjar taż-żona industrijali.

“Mill-bqija m’hemm xejn li fil-proġett jiġġustifika aktar qerda ta’ art agrikola f’waħda mill-aktar żoni għammiela ta’ Malta,” temm jgħid Sant.

Share With: