Anzjan jeħel tliet xhur ħabs talli mess sider tfajla

Taljan ta’ 77 sena li kien ikkundannat sitt xhur ħabs talli mess sider tfajla Ungeriża kellu l-piena mnaqqsa għal tliet xhur minħabba l-istat fraġli ta’ saħħtu.

Carmelo Curcuruto kien mixli li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ minorenni ta’ 15-il sena, li ikkorrompiha, li żammha kontra l-volontà tagħha u li wettaq attentat vjolenti fuq il-pudur tagħha.

Mill-provi li tressqu irriżulta li t-tfajla kienet sejra d-dar t’oħtha meta ltaqgħet mal-anzjan fi triq f’San Pawl il-Baħar fejn joqgħodu it-tnejn li huma.

Huwa beda jgħidilha “bellissima” (sabiħa), qabadha minn idha u ġibidha lejn id-dar tiegħu fejn beda jbusha u messilha sidirha qabel telqet.

Il-Pulizija kienet infurmata b’dak li ġara u interrogatu fejn l-anzjan sostna li hija qaltlu li kellha 20 sena u li meta biesha kompliet miegħu.

Fl-istqarrijiet li ta lill-Pulizija ikkonferma li messilha sidirha u anke qal li talabha tiżżewġu waqt li nsista li ma setax kellu x’jaqsam magħha għax għandu l-‘catherer’ u jekk jinqala jmut.

Curcuruto nstab ħati biss tal-attentat vjolenti fuq il-pudur u kien ikkundannat sitt xhur ħabs madankollu appella.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li semgħet l-appell, irrimarkat li bħala fatt huwa bies lit-tfajla fuq wiċċa u għonqha u messilha sidirha u għalkemm allega li qaltlu li kellha 20 sena dan ma kienx jiġġustifika l-għemil tiegħu.

Waqt li għalhekk ikkonfermat il-ħtija għaddiet biex tara x’piena kellu jingħata fejn ikkunsidrat li huwa marid u “jinsab fi stat fraġli ħafna ta’ saħħa”. Kien għalhekk li naqqsitlu l-piena għal erba’ xhur.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Paula Ciantar u Godwin Scerri li investigaw il-każ.

Share With: