ARA: Salvati grupp ta’ ħaddiema li sfaw maqbudin 600 metru taħt l-art wara splużjoni f’minjiera tad-deheb fiċ-Ċina

Membri tas-salvataġġ fiċ-Ċina rnexxielhom isalvaw disa’ ħaddiema li kienu maqbudin madwar 600 metru taħt l-art wara splużjoni f’minjiera tad-deheb. Huma kienu sfaw maqbudin f’dan il-post magħluq wara splużjoni fil-minjiera ta’ Hushan li seħħet fl-10 ta’ Jannar.

Wara l-ewwel sigħat ta’ ħidma biex jiġu salvati, l-awtoritajiet irnexxielhom jibnu kuntatt ma’ 11-il persuna, iżda sfortunatament wieħed minnhom miet ftit wara. Minn hemm beda kuntatt u l-uffiċċjali tas-salvataġġ kienu kapaċi anke jwasslu lill-irġiel maqbudin hemm taħt provvisti ta’ mediċina u ikel.

Filmat li xxandar fuq il-midja barranija juri l-ewwel ħaddiem ħiereġ b’għajnejh mgħottijin minħabba jiem sħaħ fid-dlam u minnufih ittieħed lejn sptar sabiex jingħata l-kura. Madwar siegħa warajh, ittellgħu l-bqija tal-grupp tal-ħaddiema.

Intant minkejja tentattivi biex tqassam ikel u mediċina f’partijiet oħra tal-minjiera, l-awtoritajiet Ċiniżi ma rnexxilhomx jagħmlu kuntatt mat-tieni grupp ta’ ħaddiema li kien hemm fil-minjiera.

Share With: