BANDLA

Miktub minn Alfred Sant

Fil-mod kif żviluppat il-pandemija tal-Covid-19 mal-Ewropa u d-dinja, ħaġa waħda tispikka. Hekk kif għaddew ix-xhur, kull pajjiż laqqatha bil-kbir, għadilli mhux kollha bl-istess mod u fl-istess żmien. Għal darba wara l-oħra, pajjiżi li rnexxielhom jikkontrollaw tajjeb l-imxija, u ġew imfaħħra għal li għamlu, wara spiċċaw jaqilgħuha ħażin daqs dawk li għall-bidu dehru dgħajfa u mitlufa… jekk mhux aktar.

Fl-aħħar jiem il-Ġermanja u l-Portugall fl-Ewropa kienu fost l-aktar magħdura meta ftit ilu dehru li qed jinnavigaw tajjeb il-kurrenti tal-imxija. Il-Ġermanja kienet fost il-pajjiżi li mexxew l-aktar politika stretta ta’ protezzjoni u infurzar…

Dan jista’ jwassal għall-konklużjoni li ma jagħmilx differenza jekk iddaħħalx regoli qawwija ta’ kontroll jew li tibqa’ laxk. Biss, dik tkun konklużjoni wisq għaġġiela.

Għax trid tara jekk is-suċċess tal-bidu kontra l-Covid-19 ġabx warajh sentiment ta’ kompjaċenza, li ħassar il-benefiċċji tal-istrettezza li kienet intużat. 

Kif ukoll trid tqis jekk fit-tmexxija tal-pajjiż, daħlux kunsiderazzjonijiet politiċi li bdew imermru l-għafsa ta’ kontroll serju li twettqet qabel.

NAVALNI

  Ili snin xettiku dwar il-kampanji li saru kontra r-Russja u kif kienet qed titmexxa minn Putin. Rajt elementi qawwija fihom ta’ manipulazzjoni indirizzati biex jgħinu lil forżi merċenarji fir-Russja li kellhom appoġġi politiċi oskuri, u biex jgħinu wkoll interessi statali u privati fil-Punent li mingħalihom kellhom kull interess iżommu lir-Russja dgħajfa.

Dan bl-ebda mod ma kien ifisser li qiest lill-amministrazjzoni ta’ Putin bħala magħmula mill-anġli.  Imma li kien hemm kull interess f’ċerti kwartieri biex iżommuha iddemonizzata, dehritli bħala ħaġa ċara. Għadni nemmen hekk.

Biss il-każ Navalni jaqbeż kull limitu ta’ kif tista’ tiddefendi l-pożizzjoni tal-amministrazzjoni tal-President Putin. Il-verżjoni li qed tingħata tal-fatti ma tistax titwemmen. Il-mod kif qed jiġu trattati protestanti ma jagħmilx sens. Ir-Russja mhijiex xi Burkina Faso, b’rispett kollu lejn dan l-aħħar pajjiż. 

FAQAR

Fl-Ewropa u lil hinn minnnha, kawża tal-pandemija, hi ħaġa ċara li l-faqar qiegħed u se jiżdied. B’“faqar” qed nifhem ukoll “riskju ta’ faqar”.

La naqas sew id-dħul ta’ daqstant setturi ekonomiċi u azjendi hekk li ħafna minn tal-aħħar jinsabu fix-xifer tal-kollass, la n-nies qed tonfoq anqas… mhux bilfors li l-ġid disponibbli se jkun naqas u dawk li qabel kienu jirċievu ftit, se jirċievu anqas issa? L-ebda gvern – tax-xellug jew tal-lemin – ma jaħti għal dil-konsegwenza.

L-isfida vera m’għandhiex tkun dik li nsostnu li l-faqar baqa’ ’l-bogħod, veru jew le. Imma li niskopru fejn jinsab tassew, fil-miftuħ jew moħbi, u li naraw kif se nikkumpensaw għalih bl-akbar effett.

Share With: