Bernard Grech iċedi għall-pressjoni tad-“deputati-ribelli”

L-eks-Kap tal-PN Adrian Delia jibqa’ jirrifjuta li jkollu ‘shadow portfolio’

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kellu jċedi quddiem id-deputati li rrifjutaw l-bidliet fix-‘shadow cabinet’ hekk kif żammilhom il-portafoll li kellhom taħt Adrian Delia.

L-istess Delia baqa’ jinsisti li ma jrid ebda ‘shadow portfolio’ biex huwa l-unika deputat Nazzjonalista liberu li jsegwi u jitkellem dwar xiex irid.

L-ikbar piż ingħata lil Claudio Grech hekk kif dan ġie fdat bit-trasformazzjoni u l-innovazzjoni tal-politika tal-PN, it-tfassil tal-viżjoni soċjo-ekonomika, it-tfassil tal-programm elettorali, ir-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġiji u l-pjan wara l-Covid19.

Il-Viċi Kap tal-PN responsabbli mill-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo żamm is-settur tat-turiżmu qalb għidut li huwa irrifjuta li dan jitneħħilu minn taħt idejh.

David Agius, il-Viċi Kap l-ieħor li huwa responsabbli mill-Affarijiet tal-Parlament, se jkollu f’idejh il-pensjonijiet, it-tfal, l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja.

Robert Cutajar żamm l-irwol ta’ Whip tal-Oppożizzjoni u se jkompli jsegwi l-politika ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, u se jkollu anke l-istrateġija dwar l-immaniġġjar tal-iskart, proġetti ambjentali u tisbiħ urban.

Karol Aquilina, li huwa s-Segretarju tal-Grupp Parlamentari, ingħata r-responsabbilta li jsegwu l-ġustizzja u r-riforma elettorali mentri Jason Azzopardi flok il-ġustizzja se jsegwi x-xogħol, it-taħriġ u l-kompetittività.

Claudette Buttigieg żammet il-post ta’ Deputat Speaker u se tkompli ssegwi l-politika soċjali, inkluż dwar il-familja, u l-protezzjoni tal-konsumatur.

Karl Gouder u Kevin Cutajar se jkun iż-żewġ Deputati Whip b’tal-ewwel se jkompli jsegwi l-kunsilli lokali u ż-żgħażagħ mentri d-deputat Għawdxi l-fondi Ewropej u l-għaqdiet volontarji.

Stephen Spiteri, li dwaru kien hemm għidut li kostitwenti tiegħu setgħu jirriżenjaw jekk jinbidillu s-saħħa, se jibqa’ jsegwi dan il-qasam waqt li David Thake se jkun responsabbli mill-Ekonomija l-Ħadra u l-proġetti kapitali.

Ivan Bartolo se jkompli jsegwi l-akkomodazzjoni soċjali u l-faqar mentri Toni Bezzina l-oqsma tat-trasport, infrastruttura, portijiet u avjazzjoni.

Ryan Callus se jibqa’ responsabbli mill-immaniġġjar tal-ilma, enerġija alternattiva u ħarsien tal-widien u l-‘parks’ mentri Therese Comodini Cachia ingħatat id-drittijiet umani u s-saltna tad-dritt.

Mario de Marco se jibqa’ responsabbli mill-finanzi, inkluż l-Airmalta, bħalma Kristy Debono se tibqa’ ssegwi l-ekonomija u l-industrija.

Maria Deguara wkoll se tibqa’ ssegwi l-anzjani u l-kura fil-komunità bħalma Beppe Fenech Adami se jkompli jagħmel ‘shadowing’ tal-intern inkluż l-immigrazzjoni.

Joe Ellis se jkun responsabbli mir-riforma kostituzzjonali u x-xandir nazzjonali waqt li Mario Galea żamm is-saħħa mentali nkluż id-dimensja u d-drittijiet tal-annimali barra li se jsegwi d-dijabete.

Edwin Vassallo baqa’ responsabbli mill-biedja u sajd waqt li taħtu jaqgħu wkoll il-kaċċa u l-insib, il-koperattivi u n-negozji ż-żgħar.

Share With: