Boris Johnson imnikket dwar l-imwiet bil-Covid hekk kif ir-Renju Unit taf tiffaċċja mal-50,000 imwiet oħrajn

Xjentist li qed jagħti pariri lill-Gvern Brittaniku qed iwissi li r-Renju Unit taf tiffaċċja mal-50,000 imwiet oħrajn kaġun tal-coronavirus. Dan filwaqt li l-Prim Ministru Boris Johnson qal li jinsab imnikket u ddispjaċut bil-kbir għal kull persuna li tmut kaġun tal-Covid-19.

Johnson insista li kien se jerfa’ r-resposanbbiltà sħiħa tar-rispons tal-Gvern għall-pandemija u qal li l-awtoritajiet għamlu kulma setgħu biex jimminimizzaw is-sofferenza kkaġunata mill-virus hekk kif l-istatistika tal-Gvern tindika li aktar minn 100,000 persuna mietu bil-Covid-19.

Il-Mexxej għall-Partit Laburista Ingliż, Keir Starmer, akkuża lill-Gvern li dan kull darba qed jinqabad fuq sieq waħda fir-rispons tiegħu għall-pandemija.

Intant f’konferenza tal-aħbarjiet f’Downing Street, Johnson qal li “naħseb li llum għandi nirrepeti kemm jien imnikket għal kull ħajja li ntilfet, u ovvjament bħala Prim Ministru se nkun qed nieħu responsabbiltà sħiħa għal dak imwettaq mill-Gvern.

“Li nista’ ngħidilkom huwa li għamilna dak kollu li stajna, u se nibqgħu nagħmlu kulma nistgħu biex nimminimizzaw l-imwiet u s-sofferenza f’dak li kien stadju diffiċli ferm, u kriżi diffiċli ħafna għall-pajjiż.”

Share With: