Dalwaqt varat Pjan Nazzjonali kontra r-razziżmu u l-ksenofobija

Tgħid dan is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar wara li atleta Maltija allegatament sfat vittma ta’ insulti abbażi razzjali

Minn Maria Azzopardi

Il-Gvern dalwaqt se jkun qiegħed ivara Pjan Nazzjonali kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija, b’miżuri robusti immirati li jeqirdu r-razziżmu fis-setturi tas-soċjetà.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza, Rosianne Cutajar.

Hija qalet dan fl-isfond tal-każ li seħħ fejn l-atleta Maltija Maya Lucia sfat vittma ta’ insulti a bażi razzjali. Nhar il-Ħadd, Maya Lucia kienet qed tilgħab logħba tal-kampjonat tan-Nisa ta’ taħt id-19-il sena.  Waqt il-logħba bejn Raiders Għargħur FC u Mosta FC hija allegatament kienet fil-mira ta’ tgħajjir minn ġenituri ta’ plejers tat-tim oppost.  Kienet l-atleta stess li ppubblikat dawn il-kummenti fuq il-midja soċjali u qalet li din hija r-realtà li tkun atleta f’Malta. Fost il-kummenti li qalet li rċeviet wieħed minnhom kien jgħid: “Jekk hawn dak missierek l-iswed għidli ħa nkellmu”. 

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li dan huwa aġir li sfortunatament mhux l-ewwel darba li kellna bħalu. Qalet li dawn l-episodji juruna li r-razziżmu jeżisti u kuntrarjament għal dak li naħsbu, ma jsofrux biss il-barranin fostna iżda Maltin bħalna li għeruqhom jirreflettu d-diversità li ilha tikkaratterizzana sa minn dejjem. 

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li sportiva żagħżugħa tiġi abbużata minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha ma tistax tibqa’ “r-realtà li tkun atleta f’Malta”. Żied jgħid: “Flimkien se nibnu soċjetà fejn kulħadd jiġi ttrattat b’rispett u fejn id-diskriminazzjoni tgħib.”

Bosta kienu dawk li esprimew solidarjetà mal-atleta Maya Lucia, fosthom il-Malta Football Association. L-Assoċjazzjoni qalet li kienet tinsab fil-proċess li tiġbor aktar informazzjoni mill-klabbs involuti u partijiet rilevanti oħra waqt li l-allegat inċident ġie rrappurtat lill-pulizija. L-Assoċjazzjoni kkundannat b’mod inekwivoku kwalunkwe forma ta’ mġieba razzista u tenniet tgħid li r-razziżmu u d-diskriminazzjoni m’għandhomx post fil-futbol.

Min-naħa tagħhom, Raiders Għargħur FC qalu li jinsabu diżgustati bil-kummenti razzisti indirizzati lil waħda mill-plejers tat-tim tagħhom. Qalu li l-klabb huwa f’kuntatt kostanti ma’ Mosta FC li wkoll jikkundanna dawn l-insulti u flimkien ħeġġew klabbs oħra biex jikkundannaw bil-qawwa dan l-aġir. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima wkoll ikkundanna bi sħiħ dan l-aġir li ddeskrivih bħala inaċċettabbli u tal-mistħija. Filwaqt li wera solidarjetà, appella lill-atleta biex tibqa’ taħdem u tirsisti u b’dedikazzjoni tibqa’ tikseb riżultati kemm fit-tim nazzjonali tal-futbol u kif ukoll fuq livell ta’ klabb.

Anke l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli kkummentat dwar dan il-każ fejn qalet li fadlilna x’naqdfu fuq inklużjoni. Filwaqt li nnotat li Maltija bħalna ġiet mgħajjra u diskriminata minħabba l-karnaġġjon tagħha, qalet li soċjetà ġusta m’għandha qatt tittollera dan l-abbuż.

Share With: