“Dan kien il-mottiv wara l-qtil t’ommi” – Jixhed iben il-vittma

Dalgħodu qed tkompli tinstema’ x-xhieda fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant fl-assassinju tal-blogger Daphne Caruana Galizia.

9:45 a.m: Waqt kontro-eżami li għamel lis-Supretendent Arnaud, l-avukat Jason Azzopardi beda biex jistaqsih jekk għandux informazzjoni fuq il-komunikazzjoni ta’ Fenech ma’ partijiet terzi qabel ġie arrestat. Jistaqsih b’mod partikolari dwar dik li Fenech kellu ma’ zijuh Ray Fenech.

Arnaud jgħid li f’din iċ-chat kien hemm artikli tal-aħbarijiet rigward dak li qal l-eks PM Joseph Muscat dwar il-maħfra presidenzjali. Żied jgħid li mill-konverżazzjoni ta’ bejniethom kien hemm indikazzjoni dwar il-possibbilità ta’ ħarba. Fl-istess chat, Fenech ingħata l-parir li jmur lejn Sqallija u minn hemm ikompli fi triqtu lejn Franza.

10:15 a.m: Jissemma’ wkoll ċertu ‘K’, li skont is-Supretendent il-Pulizija qiegħda tissuspetta li dan kien jirreferi għal Keith Schembri; l-eks Chief of Staff tal-PM Joseph Muscat. Skont l-istesss Arnaud, qabel dan il-parir, Fenech kien għamel tentattiv biex iħalli l-pajjiż b’titjira mill-ajruport lejlet il-jum tal-arrest, iżda din ma ġietx approvata. Arnaud żied jispjega li Fenech ftit sigħat qabel l-arrest talab lil Schembri biex ma jħallihx waħdu.

Keith Arnaud qal li kien hemm chat bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat iżda din kienet chat li ma kellha x’taqsam xejn mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

11:00 a.m: Fil-Qorti ntqal kif ġimgħa qabel l-arrest tiegħu, il-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Melvin Theuma kien mar għand Fenech biex jagħtih xi flus. 

Is-Supretendent qal li meta l-Pulizija rat iċ-chats li kellu Fenech ma zijuh kien hemm suspett li dan kien se jaħrab u li minħabba li dak iż-żmien ma kienx għad hawn restrizzjonijiet, aġixxew mingħajr telf ta’ żmien biex ma jirriskjawx. Arnaud żied jgħid li Fenech qatt ma qal li kien ġej lura. Arnaud qal li Fenech kien saħaq mal-Pulizija li hu ma kellu l-ebda intenzjoni li jaħrab. Minkejja dan iċ-chats kienu juru mod ieħor.

11:15 a.m: Tintemm ix-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud. Imiss jixhed iben il-vittma Matthew Caruana Galizia.

11:20 a.m: Matthew Caruana Galizia qal li qabel il-qtil, ommu Daphne Caruana Galizia, kienet qed tinvestiga każ dwar l-Electrogas.

L-emails li ġew żvelati lil Daphne juru li kollox kien jgħaddi minn taħt idejn Yorgen Fenech, jixhed iben il-vittma.

L-avukati ta’ Fenech iridu li dawn l-emails jiġu sottomessi, imma x-xhud jirrifjuta biex jipproteġi lis-sors tiegħu.

11:30 a.m: Ix-xhud ikompli bil-kliem “Dan kien il-mottiv wara l-qtil t’ommi” waqt li jkompli jispjega dwar ir-riċerka li kienu qegħdin jagħmlu hu u ommu Daphne Caruana Galizia.  Id-difiża toġġezzjona li din hija biss opinjoni tax-xhud. Il-Maġistrat talbet biex tkompli għaddejja x-xhieda.

Matthew Caruana Galizia jippreżenta t-tagħrif li għandu fuq ir-rabtiet ta’ Fenech mal-Bangladesh. Huwa jgħid li baqa’ f’kuntatt mal-whistleblower anke wara l-qtil. 

12:00 p.m: Matthew Caruana Galizia jgħid li minbarra ommu u l-whistleblower, hu kien l-unika persuna li kien jaf b’dan kollu.

12:15 p.m: Tintemm ix-xhieda ta’ iben il-vittma. Is-seduta li jmiss hija fit-2 ta’ Frar fl-10am.

Share With: