Difiża tal-ambjent

Minn Dr Alfred Sant

Fit-teorija u fl-istqarrijiet pubbliċi, kulħadd favur il-ħarsien tal-ambjent. Fil-prattika baqgħu jittieħdu bla waqfien deċiżjonijiet li xejn ma jmorru f’din id-direzzjoni. Dil-biċċa tgħodd għal kulħadd, jew kważi.

Jien nammetti pereżempju, li fl-imgħoddi u sal-lum għadni nemmen li m’hemm xejn ħażin jew kontra l-ambjent jekk f’Malta titlesta korsa tal-golf. Ġejt ikkritikat dwar hekk imma bqajt nifhem li barra milli faċilment jista’ jerġa jingħata lill-biedja, stabbiliment hekk iżomm lura t-tniġġis ambjentali.

Ħaddieħor ikollu konvinzjonijiet differenti dwar proġetti li imbagħad jien ma nistax naqbel magħhom. Mhux dejjem hi kwistjoni ta’ ipokresija.

Forsi għalhekk li hemm bżonn ta’ xi “karta” (fis-sens Ingliż ta’ “charter”) li telenka l-prinċipji li għandhom jiggwidawna fil-ħarsien tal-ambjent meta niġu biex nieħdu pożizzjoni fuq għażliet reali mill-ħajja “ta’ kuljum”. Talanqas isservina wkoll kontra l-mewġa ta’ proġetti li qed jinħmew u li donnhom imnebbħa minn deni stramb favur aktar torrijiet twal, vilel mostrużi fl-imbiegħed, toroq u flyovers wiesgħa.

***

Twemmin reliġjuż?

Fi stat sekulari, xi rwol għandu jkollu t-twemmin reliġjuż kif rappreżentat mill-knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi organizzati?

Il-mistoqsija tinħass akkanita ħafna fi Franza fejn għal sew aktar minn seklu, l-istat ipprokalma ruħu – b’fervur kważi “reliġjuż” – li hu sekolari. Filfatt bħalissa għaddejja kontroversja hemm dwar kif it-twemmin Islamiku organizzat għandu jaġixxi skont in-normi sekolari mħaddna fil-pajjiż.

F’pajjiżna wkoll ta’ spiss qamet dil-problema. Il-mixja lejn stat sekolari saret bl-iskossi u għadha mhijiex mitmuma. Xorta ħafna Maltin iħossu li għad baqa’ wisq piż “reliġjuż” fil-mod kif jitqiesu l-kwistjonijiet nazzjonali. Oħrajn jilmentaw li fl-avvanz lejn is-sekolarità qed jitwarrbu valuri u tradizzjonijiet li jiddefinixxu l-identità Maltija.

Matul is-snin rajna dit-tensjoni tinġema’ u tiċċaqlaq fil-kontroversji dwar il-libertà tal-kelma, iż-żwieġ ċivili, id-dekriminilizzazjoni tal-omosesswalità, it-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel, id-divorzju, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, u llum l-abort u l-ewtanasja.

***

Ellul Mercer

Forsi fis-sena tal-mitt anniversarju mit-twaqqif tal-partit Laburista setgħet tingħata ftit aktar attenzjoni lil diriġenti tal-Partit Laburista fiż-żmien erojku tiegħu (1944 – 1971). Fosthom Ġuże Ellul Mercer.

Ismu għan-nies tal-Labour baqa’ mmarkat b’x’ġara wara li miet – bid-difna tiegħu fiil-“miżbla”. Biss, Ellul Mercer kien ħafna aktar minn hekk – politiku ta’ rieda soda, kittieb u opinjonista tal-akbar preġju, ħassieb politiku. Problema fl-istorjografija Laburista hi li waqt li x’ġara u ġie deċiż “fuq nett” hu magħruf pjuttost sew, kif imbagħad kien jitwassal lill-kotra ta’ votanti Laburisti jingħata ħafna anqas attenzjoni.

Hu f’din il-perspettiva wkoll li l-ħidma tul ħajtu ta’ Ellul Mercer (u oħrajn bħalu) trid titpoġġa u tingħata għarfien aqwa.

Share With: