Dinja diġitali aktar sigura

Jikteb Alex Agius Saliba

Id-dinja moderna hija ddominata mit-teknoloġija u l-iżviluppi kontienwi ta’ madwarna li jiġru b’mod rapidu ħafna u li kultant lanqas biss nirrealizzaw li jkunu qed jiġru. Pero’ il-bidla qed isseħħ, u rridu nkunu konxji ta’ dak li qed jiġri ukoll biex naraw li dawn l-iżviluppi ma jkunux ta’ detriment. L-iżviluppi fit-teknoloġija diġitali kull ma jmur qegħdin ikomplu joskurraw ir-realta’, u jitilfu aktar dik id-distinzjoni bejn id-dinja fiżika u dik diġitali. Pero’ l-valuri li nħaddnu fid-dinja reali huma mistennija li jkunu preżenti u rispettati bl-istess mod fil-qasam diġitali. Madankollu, dan jista’ ma jkunx il-każ. Soċjeta’ diġitali li tiffunzjona hija waħda fejn in-nies jinteraġixxu b’mod liberu u jkollom aċċess ħieles għas-swieq, u dan isir fuq qafas ta’ fiduċja u li joffri ambjent san u ġust għal dawk li qegħdin jimirħu fih.

Waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet tas-seklu tagħna saret proprju l-biżgħa li dawk ir-regoli li tant sar xogħol matul iż-żmien fuq livell internazzjonali biex ikunu rrispettati d-drittijiet tal-individwu fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum fid-dinja reali, issa qegħdin jintilfu fil-ħajja diġitali. Nemmen bis-sħiħ li d-drittijiet fundamentali għandhom jiġu protetti fl-aspetti kollha tal-qasam diġitali, u dan huwa parti kbira mix-xogħol li qed nagħmel bħalissa fuq livell Ewropew. Id-diġitalizzazzjoni b’mod ġenerali, filwaqt li biddlitilna ħajjitna, ġabet magħha l-ħolqien ta’ ammonti kbar ta’ dejta personali u dejta oħra relattiva għall-imġiba tagħna online. Prattikament nistgħu ngħidu li tatna identita’ ġdida f’ħajja parallella. Dan kollu jiddetta l-ħajja tagħna onlajn u l-esperjenzi li ngħaddu minnhom meta nużaw bosta pjattaformi diġitali u servizzi oħrajn ta’ kuljum. It-tkabbir tal-pjattaformi u l-prodotti li jipprovdu, spiss jinbnew madwar, jekk mhux dipendenti, fuq din id-dejta pprovduta minna bħala l-utenti jew aħjar il-konsumaturi. Saħansitra din id-dejta tiġi analizzata u tradotta f’patterns ta’ imġieba li madwarhom jinbnew il-“bżonnijiet” tagħna, li mbagħad jiġu reklamati u mibjugħa lilna b’mod speċjalizzat apposta għalina. Il-fatt li dawn il-pjattaformi ikollhom aċċess għal din id-dejta u li jużawha għal dan l-iskop diġa’ minnu nnifsu joħloq allarm dwar ksur tad-drittijiet għall-privatezza.

Għaldaqstant huwa ferm importanti li aħna bħala konsumaturi u bħala l-utenti ta’ dawn is-servizzi onlajn, ikollna għarfien b’saħħtu dwar id-drittijiet tagħna anke fid-dinja diġitali. Hekk biss nistgħu nkunu protetti minn ksur ta’ dawn l-istess drittijiet, li ħafna drabi jiġru quddiem għajnejna iżda nkunu wisq għomja u kkundizzjonati biex nagħrfuhom. L-għarfien huwa ċentrali biex niksbu livell ta’ protezzjoni adegwat u nipproteġu l-identita’ diġitali tagħna minn diversi abbużi li nistgħu nkunu soġġetti għalihom meta nagħmlu użu mill-internet. 

Sa mill-bidu tal-karriera tiegħi fil-Parlament Ewropew, li bdiet ftit iktar minn sena u nofs ilu, iddedikajt ħafna mill-ħin tiegħi fuq dan is-suġġett għaliex nemmen li hemm diskrepanzi kbar fid-drittijiet tagħna bħala utenti u l-obbligi li għandhom kumpaniji diġitali kbar. Dawn il-kumpaniji s’issa kellhom iċ-ċans li jikbru f’suq b’nuqqas ta’ regolamentazzjoni, b’qafas legali antik u antikwat li ma jieħux konjizzjoni ta’ żviluppi maġġuri li għaddejna minnhom matul dawn l-aħħar għoxrin sena. Għaldaqstant iffukajt u qed inkompli niffoka l-enerġija tiegħi biex nara li jkun hemm qafas regolatorju b’saħħtu li jittraduċi r-regoli li aħna mdorrijin bihom u li saru parti mill-prattiċi aċċettati fil-ħajja ta’ kuljum, fil-ħajja diġitali tagħna għaliex irridu u ma rridux. Nemmen li aktar għarfien akkumpanjat minn qafas legali aktar robust għall-kumpaniji u s-servizzi offruti fid-dinja diġitali huma rekwiżiti importanti ferm sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali fid-dinja moderna. Din hija l-missjoni li qed naħdem għaliha fuq livell Ewropew, sabiex fis-snin li ġejjin nilħqu protezzjoni denja u reżiljenti għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Share With: