Draw drammatiku għal Tarxien Rainbows kontra Floriana
Minn Cristian Muscat
Tarxien Rainbows …2
Floriana …………………2
Floriana kienu diġá kważi ħasbu li kienu se jirritornaw għar-rebħ meta goal kiesaħ u biered li wasal b’mod drammatiku mis-sostitut Daren Falzon fit-92 minuta ħasadhom għal kollox li fisser draw ta’ 2-2 u punt prezzjuż mirbuħ mir-Rainbows u żewġ punti oħra mitlufa għal Floriana biex jinsabu fis-sitt post mill-aħħar.
Kienu l-Greens li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta, meta Brandon Paiber kellu xutt minn barra l-kaxxa mdawwar f’corner mill-goalkeeper Daniel Fernandes.
Huma komplew fuq l-offensiva u fl-34 minuta fetħu l-iskor meta Diego Venencio indirizza cross mil-lemin għan-nofs, bi BRANDON PAIBER ikun pront u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fix-xibka.
Iżda r-Rainbows wettqu reazzjoni tajba u erba’ minuti wara ġabu l-iskor indaqs meta d-debuttant Ivan Paz xeħet cross mix-xellug li sab lid-debuttant l-ieħor RAPHAEL KOOH SONA li għola tajjeb u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża, antiċipa lil kulħadd biex tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper tal-Greens, Ini Etim Akpan.
Madankollu fl-44 minuta, Floriana reġgħu marru fil-vantaġġ meta wara li rċieva minn cross mil-lemin ta’ Jose Arias Ulises, daħal bħal vleġġa BRANDON PAIBER u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Tarxien resqu viċin li jerġgħu jiksbu d-draw meta Jurgen Debono venven xutt minn tarf il-kaxxa li stampa mal-mimduda.
Bħalma għamlu fl-ewwel waħda, fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Greens ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta, is-sostitut Jan Busuttil kellu xutt insidjuż minn barra l-kaxxa li ntemm barra biex sitt minuti wara l-istess attakkant żagħżugħ approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża tar-Rainbows qabel kellu xutt minn ġol-kaxxa li għadda barra.
Fid-89 minuta, ir-Rainbows reġgħu laqtu l-mimduda din id-darba permezz ta’ Raphael Kooh Sona.
U jekk kulħadd ħaseb li dik kienet l-aħħar azzjoni, Tarxien kellhom ħsibijiet oħra meta kisbu d-draw drammatiku permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ DAREN FALZON li ma ta l-ebda ċans lil Ini Etim Akpan jsalva.
TARXIEN R.: 1-Daniel Marcio Fernandes, 2-Carlos Filho Conceicao, 4-Brandon Muscat, 5-Edison Bilbao Zarate, 6-Daniel Zerafa, 10-Jurgen Debono (15-Luke Sciberras 87), 12-Eduardo Rosado, 16-Erisa Ssekisambu (7-Daren Falzon 64), 17-Ivan Edgardo Paz, 18-Kyle Gatt, 21-Raphael Kooh Sona – Coach: Winston Muscat
FLORIANA: 12-Ini Etim Akpan, 5-Moustapha Beye Muhamadou, 6-Enzo Ruiz (30-Jan Busuttil 46), 7-Diego Venencio, 8-Nicola Leone, 9-Kristijan Keqi, 10-Jose Ulises Arias, 11-Brandon Paiber (25-Siraj Eddin Arab 85), 22-Alex Cini, 27-Flavio Silva Cheveresan, 94-Ryan Camenzuli – Coach: Buttigieg
REFEREE: Alex Johnson
ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Darko Stankovic
RABA’ UFF: Andrea Sciriha
SKORERS: B. Paiber 34, 44 (F); R. Kooh Sona 38, D. Falzon 92 (TR)
AMMONITI: F. Silva Cheveresan, N. Leone (F), C. F. Conceicao, E. Bilbao Zarate (TR)