Drones militari biex jgħassu l-fruntieri għal vjaġġi tal-immigranti

Matul din is-sena il-vjaġġi migratorji mill-Afrika ta’ Fuq mistennija jiffaċċjaw sfida oħra apparti l-elementi naturali u n-natura tal-vjaġġ peikoluż.  Din l-isfida mhi xejn għajr l-użu ta’ drones militari biex ikunu identifikati dgħajjes li imbagħad hu mistenni li jiġu infurmati l-awtoritajiet Libjani biex l-istess immigranti jittieħdu lura lejn il-Libja, minkejja li l-Libja ma tistax titqies bħala pajjiż sigur għall-immigranti.  Sorsi militari li tkellmu ma’ Inewsmalta spjegaw li l-preparamenti huma kważi kollha f’posthom biex fuq il-fruntieri b’mod partikolari dawk tan-nofsinhar tal-Ewropa jibda jitħaddem is-servizz bi drones. Għalkemm fuq il-fruntiera ta-nofsinhar hemm il-Greċja, l-Italja u Malta, jidher li dawn id-drones se jkunu ibbażati l-Greċja u l-Italja. Huma se jkunu imħaddma ukoll minn persuni apposta minn dawn l-istess pajjiżi. 

L-istess sorsi qalulna li minkejja li kumpanija Portugiża iddeċidiet minħabba pressjoni li kien hemm, li ma tikrix żewġ drones militari mingħand il-kumpanija Iżraeljana Elbeit, xorta waħda se jkunu qed jintużaw drones militari għas-sorveljanza. Dawn id-drones kienu se jintużaw minn missjoni tal-Aġenzija għas-Sigurtà Marittima fl-Ewropa (EMSA). 

L-istess sorsi militari qalu lil Inewsmalta li l-kumpanija Portugiża ħassret il-kirja aktarx minħabba petizzjoni li kienet saret intitolata ‘Stop Israeli Killer Drones”, kampanja li kienet tnediet minn ‘World Without Walls Europe”.

L-istess sorsi qalulna li minkejja dan, il-pjani għall-użu ta’ drones militari baqa’ għaddej, tant li l-preparamenti jinsabu lesti. Dawn se jkunu qed jintużaw mill-aġenzija Frontex, wara kuntratt li din għamlet mal-Israeli Aerospace Industries u ma’ Elbit Drone Services.  L-istess sorsi qalulna li filfatt dawn it-tip ta’ missjonijiet kienu diġa qed isiru mill-Greċja, fejn jidher li ftit jiem ilu biss wieħed minn dawn id-drones ikkraxxja fi Kreta.

Ftit ġimgħat ilu, il-Frontex tat kuntratt ta’ xejn inqas minn €50 miljun lil Airbus b’IAI bħala sub contractors u lil Elbit, biex jipprovdu titjiriet ta’ sorveljanza bi drones fil-Mediterran.  Dawn il-kuntratti qed jitqiesu bħala pass importanti fil-ħidma ta’ sorveljanza tal-fruntieri. Mhux biss imma b’kuntratti simili, il-Frontex qed tkabbar ir-rwol tagħha fejn tidħol is-sorveljanza għall-immigrazzjoni u qed tibda takkwista it-tagħmir hi stess flok tiddependi minn dak tal-pajjiżi membri.

M’hemmx dubju li missjonijiet simili se jkunu ostaklu ieħor għal dawk li qed ifittxu tama aħjar.

Dan il-kuntratt b’mod sħiħ se jkun qed jiswa xejn inqas minn €100 miljun. Filfatt, Airbus u IAI se jkunu qed jitħallsu €50 miljun waqt tli Elbit Systems, li huma manifatturi tal-armi Iżraeljani se jkunu qed jitħallsu €50 miljun ukoll.

Dan il-kuntrat qed isir, wara li l-Unjoni Ewropea għamlet snin tonfoq flus kbar biex tagħmel patrols fuq il-fruntieri. F’temp ta’ 15-il sena l-ispiża  għall-Aġenzija tal-Kwardji tal-Kosta Ewropea magħrufa bħala Frontex żdied minn €6 miljuni fis-sena 2005 għal ftit aktar minn €450 miljun matul is-sena li għaddiet.

L-użu ta’ dawn id-drones qed iqajjem tħassib kbir, fejn diversi ossservaturi qed iqajmu l-argument li dan se jwassal biex l-Unjoni Ewropea tevita ir-responsabbilità legali tagħha li ssalva l-ħajjiet li jkunu f’diffikulta fil-baħar.

Dawn id-drones għandhom kapaċità li jtiru għal ammont ta’ sigħat u kapaċi jivvjaġġaw għal xejn anqas minn 1,000 mil mill-bażi li jkunu telqu minnha.

Share With: