FILMAT: Dun Joseph Sultana u Dun Joseph Cini jinżammu taħt arrest

Żewġ qassisin, Dun Joseph Sultana u Dun Joseph Cini, ġew mixlijin bl-istupru ta’ abbati f’Għawdex.

Stqarrija tal-Pulizija kienet tgħid li l-abbuż allegatament seħħ numru ta’ snin ilu.

Il-każ l-ewwel kien ġie rapportat lill-Kummissjoni tas-Salvagwardja tal-Kurja, li għaddiet l-informazzjoni lill-Pulizija.

Iż-żewġ qassisin ġew arrestati nhar it-Tnejn li għadda, u tressqu l-Qorti illum fit-8.30 a.m. quddiem il-Maġistrat Monica Vella. L-interrogazzjonijiet liż-żewġ qassisin żvolġew fil-Kwartieri tal-Pulizija lbieraħ.

L-ewwel miż-żewġ akkużati li ġie mixli kien Dun Joseph Sultana li ċaħad l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

Intant fix-xhieda mogħtija fil-Qorti, l-allegat vittma qal li kien fetaħ qalbu dwar l-allegati abbużi ma’ Dun Anton Theuma, li llum huwa Isqof t’Għawdex, u ma’ Fr Dominic Sultana. L-allegat vittma jgħid li apparti minn Fr Joseph Sultana, huwa kien abbużat ukoll minn qassis ieħor.

Tenna li sentejn ilu wara li kien fetaħ qalbu ma’ Dun Anton Theuma, dan talbu biex jitkellem ma’ Andrew Azzopardi li jmexxi l-Kummissjoni tas-Salvagwardja. L-allegat vittma, li ismu ma jistax jixxandar fuq divjett tal-Qorti, qal li kien għamel sena jmur counselling għand Dun Theuma, madankollu qal li kien iħossu fi stat dipressiv.

Iżid jgħid li Dun Theuma kien qallu li l-Italja hemm komunità li tista’ tgħinu, u kien tela’ erba’ xhur l-Italja qabel ma eventwalment reġa’ rritorna lura Malta.

Tenna li wara Dun Theuma nħatar Isqof t’Għawdex, huwa beda sessjonijiet ta’ counselling ma’ Fr Dominic Sultana.

Fl-istess waqt qal li kien iltaqa’ ma’ Azzopardi f’Għawdex, b’dan tal-aħħar jgħidlu biex jikteb rapport dwar l-allegat abbużi.

Fir-rapport huwa indika li meta kien għad kellu disa’ snin u kien iservi bħala abbati, Fr Sultana kien jieħdu fil-konfessjonarju fis-sagristija tal-Knisja tax-Xagħra u hemmhekk kien idaħħal idu u jmisslu l-parti privata.

Tenna li tali abbużi ġraw kemm-il darba, u damu għaddejjin għal perjodu ta’ madwar sena, jew sena u nofs.

Viżibbilment imbikkem, ix-xhud iżid jgħid li kien iħossu skomdu ħafna b’dak li kien jiġri.

Tenna li filwaqt li ġieli rrifjuta li jmur, Sultana kien jaqbdu minn idu u jgħidlu li kien se jmur jgħid lill-ġenituri. L-allegat vittma żied billi ddeskriva lil Sultana bħala persuna vjolenti u li kien jhedded bil-ġenituri.

Saħaq li sar abbati meta kellu tmien snin, u dam iservi sakemm kellu 15-il sena.

Żied jgħid li l-abbużi saħansitra ġieli seħħew qabel jew wara ċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa, bl-ewwel abbuż kien żvolġa matul tmiem il-ġimgħa meta kien għad kellu tmienja jew disa’ snin.

B’referenza għall-ewwel darba li safa abbużat, ix-xhud qal li ma jiftakarx kif kien spiċċa fil-kamra fejn seħħ l-abbuż, iżda qal li l-kamra ma kinitx tkun imsakkra. Tenna li l-kuntatt fiżiku kien idum bejn tnejn u tliet minuti.

Saħaq li Sultana kien joqgħod bilqiegħda u jġiegħlu joqgħod quddiemu, b’dan kollu jsir wara li kien jagħlaq il-bieb tal-kamra. Fix-xhieda tiegħu, il-vittma qal li ma jafx kinux rawhom xi nies oħrajn jew le.

Tenna li aktar kuntatt ma’ Sultana ma kellux aktar wara li kien spiċċa jservi bħala abbati. Qal li huwa kien avża lill-ġenituri tiegħu x’kien ġara, madankollu mhux fid-dettall, u qal li meta rċevew il-karti tal-Qorti kienu ħadu xokk. FL-istess waqt qal li qatt ma kien tkellem ma’ ħadd dwar dak li kien ġara tul il-perjodu meta kien għadu jservi bħala abbati.

B’referenza għall-abbużi li allegatament kien isofri, iż-żagħżugħ qal li Sultana kien idaħħal idu fil-qalziet ta’ taħt u joqgħod jimmasturbah, madankollu huwa ma kienx imissu lura. Żied jgħid li fir-rapport li kien kiteb lil Azzopardi, huwa indika li ma kienx hemm penetrazzjoni.

Fix-xhieda tiegħu ż-żagħżugħ żied jgħid li kien irċieva karta mill-avukat li qed jirrappreżenta lil Sultana biex ma jkomplix bil-proċeduri, u li anke kienet se tittieħed azzjoni kontrieh. Tenna li l-ġenituri tiegħu għaddew l-ittra lil Fr Dominic Sultana u sussegwentement għaddewha wkoll lil Andrew Azzopardi.

Tenna li kien iħossu konfuż u mdejjaq, u din għadha taffettwah sal-lum.

“Ħassejrni maħmuġ, skola kont sejjer lura, kont inħossni rrabjat, ippruvajt nagħmel suwiċidju u ma ridtx inħares lejn mara,” tenna ż-żagħżugħ.

Żied jgħid li kien qed jiddubita mis-sesswalità tiegħu, u kien qabad il-vizzju tad-droga u l-alkoħol, u kien anke seraq lill-familja. “L-unika ħaġa li tlabt lil Andrew Azzopardi hija li toħroġ il-verità,” tenna ż-żagħżugħ fil-Qorti.

Żied jgħid li jaf lil oħrajn li għaddew mill-istess esperjenza madankollu mhux minn Dun Joseph Sultana, b’wieħed minnhom ikollu overdose.

Huwa qal li ma jridx isemmi nies li ġew abbużati, hekk kif qal li dawn il-vittmi għandhom jersqu ’l quddiem huma.

Intant l-avukat li qed tassisti lil Dun Joseph Sultana, Dr Angele Formosa, talbet bail għall-assistit tagħha, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona għax baqa’ erba’ xhieda membri tal-kleru li huwa kellu kuntatt magħhom il-ġimgħa li għaddiet. Dr formosa min-naħa tagħha rribattiet li l-assistit tagħha ma jqaddisx u joqgħod id-dar.

L-Ispettur Joseph Busuttil min-naħa tiegħu qal li l-akkużat kien għamel kuntatt magħhom wara li fit-12 ta’ jannar li għadda bagħat ittra lill-vittma, b’dan juri li kien jaf bl-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.

L-Avukat irribattiet li Fr Sultana min-naħa l-oħra ma jafx min huma x-xhieda li se tkun qed tressaq il-Prosekuzzjoni. Żiedet tgħid li l-akkużat m’għandux qraba u qassisin oħrajn ħbieb tiegħu.

Quddiem dan il-Maġistrat Monica Vella ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-każ mistenni li jkompli jinstema’ nhar it-Tnejn li ġej.

Wara ġie mixli Dun Joseph Cini, ta’ 71 sena mix-Xagħra, li wkoll wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

Fix-xhieda tiegħu kontra Cini, l-istess xhud qal li kien mar id-dar ta’ Cini meta kien għad kellu bejn tmienja u disa’ snin, liema dar tinsab fix-Xagħra.

Iż-żagħżugħ qal li Cini kien jgħidlu kif jagħmlu wrestling, u kien imellislu xaħgru. Tenna li darba minnhom kien mar miegħu fil-kamra tal-banju u kien wettaq sess orali fuqu. Qal li l-akkużat kien iwasslu lura ħdejn il-knisja ewlenija u kien jagħtih xi ħaġa tal-flus bħal 50 ċenteżmu.

Ix-xhud qal li għalih din kienet esperjenza xokkanti, u kien jaħseb li din kienet xi tip ta’ mħabba differenti.

Fix-xhieda tiegħu ż-żagħżugħ żied jgħid li Cini kien jieħdu dawra fil-karozza tiegħu, jieħdu xi mkien fil-kampanja u jġiegħlu jmisslu l-parti tiegħu.

Tenna li darba mar id-dar tiegħu, b’Cini allegatament jisforza lilu nnifsu fuqu. “Imbuttani fuq is-sufan u bdejt nibki imma baqa’ għaddej,” qal iż-żagħżugħ. “Waqaf tant kemm bdejt nibki u ngħajjat.”

Żied jgħid li aktar kemm kien jagħmel atti sesswali, aktar kien jagħtih flus. Iż-żagħżugħ żied jgħid madankollu li wara li Cini sforza ruħu fuqu, huwa ma baqax imur.

Tenna li beda jmur lura fl-iskola, u anke qabad ċerti vizzji, u ta’ 18-il sena kien ipprova jwettaq suwiċidju. “Kissirt mirja d-dar għax ma flaħtx inħares aktar lejja,” qal iż-żagħżugħ li qal li għadu ma ġiex f’tiegħu, tant li għadu jqum jibki bil-lejl.

Huwa żied jgħid li ma talabx kumpens lill-Knisja, iżda jrid li toħroġ il-verità.

Iż-żagħżu qal li Cini kien jagħtih il-flus wara kull abbuż, bil-flus jitilgħu minn 50 ċenteżmu għal ħames liri Maltin wara li kien sforza lilu nnifsu fuqu.

Mitlub jispjega x’ġara, iż-żagħżugħ qal li ħass uġigħ kbir fil-warrani, uġigħ li ma jistax jispjega.

Qal li kellu 13-il sena meta fehem dak li kien ġralu.

Aktar dettalji mal-ħin

Share With: