€47,145 għal ħaddiem li daħallu musmar f’għajnu

Ħaddiem li sofra problemi fil-viżta waral li daħallu musmar f’għajn minnhom se jingħata kumpens ta’ €47,145 liema kumpens seta kien id-doppju li kieku ma ngħatax nofs it-torit għall-inċident li kien involut fih.

Joseph Cordina fetaħ il-kawza fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) kontra Wasteserv Malta Limited u Mario Bonnici.

Huwa żammhom responsabbli għall-inċident li kien seħħ fit-8 ta’ Diċembru 2015 waqt li kien qed jaħdem fl-impjant magħruf bħala “Tal-Kus” fix-Xewkija.

Cordina kien jaqla’ żewġ imsiemer tal-azzar imwaħħlin fl-art meta musmar minnhom tar u laqtu f’għajnu.

Wasteserv qalet li ma kinitx responsabbli għax meta seħħ l-inċident l-impjant kien fil-pussess tal-konsorzju BS Environment Joint Ventrure ffurmat minn Bonnici Brothers  Contractors Limited u Sidercamme SRL.

Bonnici wkoll sostna li ma kienx l-imgħallem ta’ Cordina u nsista li ma tahx struzzjonijiet kif iħaddem il-gaffa.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana irriżulta li Cordina kien impjegat mal-JF Services Limited u xogħlu kien ‘waste sorter’ fl-impjant f’Tal-Qortin.

Dakinhar huwa ntbagħat f’“Tal-Kus” u waqt li qed jaqla’ l-imsiemer it-tieni wieħed tar u daħal f’għajnu l-leminija.

Għalkemm sarulu diversi interventi t-tobba tal-għajnejn li eżaminawh ikkonkludew li kien sofra diżabilità permanenti ta’ 27%.

Mill-provi rriżulta wkoll li kien Bonnici li tah l-ordni jaqla’ l-imsiemer madankollu l-imsemmija maġistrat irrimarkat li Cordina seta irrifjuta jagħmel dan ix-xogħol la ma kienx l-imgħallem tiegħu.

Kien għalhekk li waqt li ma żammitx lill-Wasteserv responsabbi tal-inċident, hija qasmet it-tort bejn Bonnici u Cordina.

Meta ġiet biex tiddeċiedi fuq l-ammont tal-kumpens hija ikkunsidrat li dakinhar Cordina kellu 40 sena kif ukoll id-diżabilità li sofra biex waslet għas-somma ta’ €47,145.

Share With: