Esperti tal-WHO se jivvjaġġaw lejn iċ-Ċina biex jinvestigaw l-oriġini tal-Covid-19

Esperti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa se jkunu qed jaslu ċ-Ċina matul din il-ġimgħa biex jinvestigaw l-oriġini tal-pandemija tal-coronavirus.

L-esperti se jkunu qed jaslu nhar il-Ħamis li ġej, u mistennijin li jiltaqgħu mal-esperti Ċiniżi.

L-istqarrija ppubblikata mill-Kummissjoni Nazzjonali tas-Saħħa taċ-Ċina ma tat l-ebda tagħrif dwar jekk l-esperti humiex se jkunu qed iżuru l-belt ta’ Wuhan, fejn il-virus instab għall-ewwel darba lejn l-aħħar tal-2019.

Il-WHO u ċ-Ċina ilhom għal diversi xhur f’taħditiet biex l-esperti jitħallew jinvestigaw l-oriġini tal-pandemija. Id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus il-ġimgħa li għaddiet esprima d-diżappunt tiegħu għad-dewmien.

Kelliemi għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż, Zhao Lijian, qal li ċ-Ċina approvat iż-żjara wara konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat u qalet li din se tkun opportunità biex isir “skambju ta’ opinjonijiet max-xjentisti u esperti mediċi Ċiniżi dwar il-koperazzjoni xjentifika fuq l-oriġini tal-coronavirus.”

Il-Gvern Ċiniż ikkontrolla b’mod strett kull riċerka dwar l-oriġini tal-virus. Dan filwaqt li l-midja tal-istat ipproponiet diversi teoriji li jissuġġerixxu li l-virus oriġina barra l-pajjiż.

Share With: