Evarist Bartolo: “F’kull wieħed minna għandna Nazi u ‘rescuer’”

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ewropej Evarist Bartolo irrimarka fil-Parlament li f’kull wieħed u waħda minna għandna Nazi u ‘rescuer’ u l-kwistjoni hija min minnhom se jirbaħ il-kuxjenza.

Huwa sostna dan hekk kif il-Parlament sellem il-memorja tal-vittmi tal-Olokawst li b’mod internazzjonali jitfakkar kull 27 ta’ Jannar.

Waqt li iddeskriva din il-ġrajja bħala waħda “terribbli”, Bartolo sostna li huwa jemmen li żjara lejn kamp ta’ konċentrament hija pellegrinaġġ li kull persuna għandha tagħmel f’ħajjitha.

Huwa fakkar kif minbarra s-sitt miljun Lhudi nqatlu fihom 11-il miljun persuna oħra fosthom Roma, omosesswali, Kattoliċi u Komunisti.

Bartolo nsista li rridu nfakkru mhux biss dawk li tilfu ħajjithom fil-kampijiet tal-konċentrament imma wkoll dawk li għenu nies biex ma jiġux maqtula.

Fil-fatt huwa semma kif minbarra dawn is-17-il miljun li mietu fil-kampijiet ta’ koinċentrament kien hemm madwar 27,000 persuna li issugraw ħajjithom biex isalvaw nies mill-pjan tan-Nażisti.

Kien hawn li semma kif ġo fina għandna Nazi u ‘rescuer’ fejn kollox jiddependi minn jekk aħna nitkaxkru mal-kurrenti u nieħdu sehem fil-ħażen jew ikollnix il-kuraġġ niġġieldu kontrih.

Bartolo temm l-intervent tiegħu billi qal l-aħjar mod kif infakkru lill-vittmi tal-Olokawst huwa li naħdmu għal dinja fejn issir ugwaljanza, ġustizzja u dinjità ma’ kulħadd.

Min-naħa tiegħu x-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Carmelo Mifsud Bonnici wkoll sellem il-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom fil-kampijiet ta’ konċentrament u anke hu saħaq li rridu nassiguraw li dak li seħħ ma jerġax isir.

Huwa sostna li dan jista’ jsir b’aktar edukazzjoni u informazzjoni ħalli n-nies joqgħodu attenti biex ma jsirux strumenti politiċi li jrewwħu l-anti-semitiżmu.

Mifsud Bonnici irrimarka li hija ħaġa tajba li l-Parlament jieqaf għal ftit mumenti biex ifakkar l-Olokawst madanakollu issuġġerixxa li flok komemorazzjoni ta’ ftit minuti ssir seduta sħiħa b’aktar parteċipazzjoni mid-deputati.

Id-deputat Nazzjonalista issuġġerixxa li l-Parlament iġib nies li għaddew mill-esperjenza tal-Olokawst u li dan il-jum jitfakkar b’mod nazzjonali u mhux biss b’mod parlamentari.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ingħaqad mal-Gvern u l-Oppożizzjoni fit-tislima lejn il-vittmi tal-Olokawst u fakkar kif kien hmm Maltija, bl-isem ta’ Henrietta Chevalier li waqt it-Tieni Gwerra Dinjija kienet tgħix Ruma u għenet biex jiġu salvati mal-2,000 Lhudi.

Farrugia sostna li Malta minn dejjem kienet ħanina mal-poplu Lhuda ibda minn żmien ir-Rumani sas-Seklu 15 meta wara li tkeċċew minn Spanja bosta ġew jgħixu Malta.

Share With: