Ewtanasja

Il-probabbilta’ hi li d-diskussjoni dwar l-ewtanasja issa titla’ aktar fil-wiċċ peress li ssemmiet mill-PM.  Biss jien ċert li kien hemm ħafna okkażjonijiet fejn din ġiet diskussa bejn in-nies speċjalment dawk tal-40 -50 sena meta jaraw il-ġenituri tagħhom imorru tant lura f’saħħithom u jibdew jivveġitaw aktar milli jgħixu.  Fihom jaraw il-futur tagħhom, futur li għal numru ta’ nies mhux aċċettabbli. 

Biss meta xi ħaġa kontroversjali titla’ fil-qasam politiku, id-diskussjoni suppost li tkun differenti peress li din tkun kif ser tkun imfassla l-liġi.  It-tfassil tal-liġi jista’ jieħu żewġ direzzjonijiet.  Direzzjoni minnhom tista’ tkun bħal ma kienu jiġu mfassla l-liġijiet fl-antik fejn dawn jew jikkundannaw xi ħaġa jew inkella jagħtu direzzjoni kif ħaġa għandha ssir.  Din it-tip ta’ liġi tirrifletti l-ideat antiki li l-awtoritajiet għandhom jiddeċiedu huma kif il-poplu jgħix.  

Meta tieħu din id-direzzjoni, id-diskussjoni dwar is-suġġett trid tkun aktar fil-fond.  Ħafna drabi d-diskussjoni tkun kif il-liġi ser tolqot lis-soċjeta’ fl-istruttura tal-valuri ta’ min qed jiddomina s-soċjeta’.  L-importanza tingħata lill-valuri u lis-soċjeta’ fl-istruttura li għandhom f’moħħhom min qed imexxi.  L-individwu jintilef fis-soċjeta’ peress li hu parti mis-soċjeta’ u l-interessi tiegħu ma nagħtux kashom.

It-tieni triq hi dik liberali.  L-idea hi li hu l-individwu li jiddetermina ħajtu u għalhekk sakemm l-interessi tiegħu ma jirfsux l-interessi ta’ ħaddieħor, l-individwu jista’ jagħmel li jrid b’ħajtu.  Għalhekk is-suġġett mhux daqshekk importanti.  Li hu importanti hu jekk persuna tingħata l-liberta’ li tagħmel xi ħaġa, is-sitwazzjoni mhux ser tkun ta’ periklu għall-interessi ta’ ħaddieħor.  Hawn importanti li niddistingwu li l-emfasi qegħda fuq interessi u mhux fuq il-valuri.  Li jien nagħmel xi ħaġa li ma taqbilx mal-valuri ta’ xi ħadd, iżda ma tipperikolax l-interessi ta’ ħaddieħor taħt din il-linja moderna, hi aċċettabbli.  

Bħal ma ktibt aktar ‘il fuq, id-direzzjoni li persuna tieħu jiddependi jekk hiex konservattiva u għalhekk temmen li hemm nies li jmexxu u l-oħrajn li xogħolhom hu li jobdu dak li l-mexxejja jiddeċiedu li hu tajjeb għas-soċjeta’.  Hawn il-valuri jiġu iddettati u kulħadd irid jimxi magħhom.  S’intendi, din hi l-istampa li tingħata, għaliex ta’ fuq imbagħad jagħmlu li jridu.

It-tieni linja hi dik li hi bbażata fuq l-ugwaljanza fejn kulħadd jiddeċiedi ħajtu mingħajr ma jolqot l-interessi ta’ ħaddieħor.  Taħt din il-linja, kulħadd iżomm il-valuri tiegħu.  Nieħdu l-każ tad-divorzju.  Il-maġġoranza tal-Maltin f’referendum kienu ddeċidew li d-divorzju għandu jiġi aċċettat u dawk li jiddivorzjaw ikunu jistgħu jerġgħu jiżżewġu.  B’daqshekk ma jfissirx li l-maggoranza taqbel mal-prinċipju tad-divorzju, u dan jintwera peress li l-maggoranza ma tużahx.  Ir-raġuni hi li l-liġi kull ma tat kien biss il-faċilita’ li min irid juża d-divorzju iżda ma mponietx id-divorzju fuq dawk li ma jaqblux miegħu.  Hekk kulħadd żamm il-valuri u t-twemmin tiegħu waqt li kulħadd sar liberu li jiddetermina dan l-aspett hu u mhux kif kien qabel fejn il-valuri jiġu diterminati minn ħaddieħor.

Għalija l-ewtanasja hu suġġett li jolqot lill-individwu biss mingħajr ma jirfes l-interessi ta’ ħaddieħor.  Jekk hemm xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, jiġifieri li dan jista’ jolqot l-interess ta’ ħaddieħor, dawn għandhom jiġu kkontrollati.

Per eżempju, għandek ċertu tobba li l-valuri tagħhom ma jaqblux mal-liberta’ li xi ħadd jiddetermina hu meta għandu jħalli din id-dinja.  Dawn ħadd m’għandu jobbligahom li jwettqu l-ewtanasja imma min-naħa l-oħra m’għandhom l-ebda dritt li jimponu l-valuri tagħhom fuq ħaddieħor.  Li nispera hu li ma jkunx hawn tobba li jagħmlu bħal ma ġara meta ħafna avukati li minkejja li ma jaqblux ma’ prinċipju u joħorġu jikkritikawh pubblikament, imma minħabba l-flus, imbagħad japplikaw prinċipji li ma jaqblux mal-valuri tagħhom.  Ma tantx trid tħabbel moħħhok biex tiftakar f’avukati li ħarġu jikkritikaw l-iskema taċ-ċittadinanza li kienet introdotta ftit snin ilu, u wara huma stess jaħdmu u jdaħħlu somom tajba ta’ flus meta japplikaw din l-iskema!

Il-co-option u s-saltna tad-dritt 

Riċentament qamet kontroversja jekk il-co-option ta’ membru Parlamentari hiex demokratika jew le.  M’iniex ser nidħol fuq din il-linja għaliex il-co-option ta’ membru Parlamentari hi aċċettata minn kulħadd u kulħadd jużaha.  Ma jfissirx li naqbel magħha.

Li laqatni hu li din il-kontroversja nqalgħet għaliex il-Partit Laburista użaha.  

Il-co-option intużat fil-passat u intużat aktar riċentament speċjalment mill-Partit Nazzjonalista biex ipoġġi lill-mexxejja tiegħu fil-Parlament.  Dakinhar, ħadd ma tkellem.  Insew kemm kienu għajru lil Karmenu Mifsud Bonniċi meta wara li laħaq mexxej tal-PL intużat il-co-option biex jidħol fil-Parlament!  Insew kemm għajruh ZERO!  

Biss dan it-tgħajjir ta’ ZERO ma jgħoddx għall- mexxejja tal-PN.  Ir-raġuni hi li l-PN iħossu li hu ‘l fuq mil-liġi.  Dawn l-affarijiet jgħoddu biss għall-PL u l-Laburisti!  

Dan rajnieh dawn l-aħħar snin, meta kellna Ministri tajbin li tilfu posthom fil-grupp Parlamentari Laburista sempliċiment fuq qlajjiet ta’ grupp ta’ nies li nsew kemm kienu jgħaffġu meta kellhom il-poter.  Biss dan ma jgħoddx għall-PN.  Dan rajnieh meta kien businessman li ħallas vaganza lill-MP Nazzjonalista.  Hemm ħarġu l-iskużi kollha biex jiġġustifikawh.  Min-naħa l-oħra, wieħed irid jifhem li din il-vaganza kellha skop ieħor – dak li xi ħadd jagħmel lejl fuq il-qabar ta’ Kristu!

Ir-radjijiet politiċi

Jien nemmen li bħal ma persuna għandha dritt li jkollha radju anki għaqdiet għandu jkollhom dan id-dritt. Kontroversja li nqalgħet hi dwar l-isforz li qed jagħmlu xi nies biex jispiċċaw ir-radjijiet tal-partiti politiċi.  Inkun ċar.  Dan qed isir mhux għax min qed imexxi din l-idea jemmen f’dak li qed jgħid, iżda minħabba s-suċċess tal-One radio li hu tal-PL.

Jien nemmen li bħal ma persuna għandha dritt li jkollha radju, anki l-partiti politiċi, għaqdiet reliġjiżi bħall-Knisja, għandhom dritt li jkollhom radju tagħhom biex imexxu l-messaġġ tagħhom.  

Il-kontroversja hi dwar il-bias li jkollhom.  Għalija din hi biss skuża minhabba li kulħadd għandu bias, jammetti jew ma jammettix.  

U fil-fatt hu minħabba dan li nippreferi li nisma’ radju li fil-miftuh jiddikjara l-bias tiegħu.  Dak li qed ngħid għar-radjijiet jgħodd għall-media kollha.  Il-problema tkun meta xi  ħadd ma niddikjarax il-bias tiegħi.  Ir-raġuni hi li hemm ikun qed jagħti impressjoni li hu ma għandu l-ebda valuri jew xaqlibiet – nerġa’ ngħid, dawn huma affarijiet li kull min jgħix ma’ xi ħadd jew f’xi soċjeta’ għandu.  

Jien inħossni aktar sigur meta jien naf il-bias ta’ min qed ixandar.  Ir-raġuni hi li hemm inkun aktar f’pożżizzjoni li niddeċiedi dwar dak li nisma.  Nieħu eżempju tar-radju tal-Knisja.  Naf li l-bias tiegħu hu favur ir-reliġjon Kattolika u għalhekk naf li mhux ser nisma’ t-tajjeb tal-ebda reliġjon oħra ħlief tal-Knisja Kattolika.  L-istess, ma nistenniex li nisma’ affarijiet li jħammġu din ir-reliġjon.  Għalhekk, jien nista’ niġġudika aħjar dak li nisma’ meta dan nisimgħu mir-radju tal-Knisja għax naf fejn hu il-bias.

B’danakollu ma jfissirx li għax hemm xi ħadd li għandu bias li forsi jien ma naqbilx miegħu  kull ma jgħid hu ħażin jew imbagħbas.  

Jien aktar inħossni inċert meta nisma’ jew naqra xi  ħaġa mingħand xi ħadd li jgħid li m‘għandux bias.  Nieħu eżempju tal-Euronews.  Jipprova jagħti l-impressjoni li hu indipendenti u għalhekk m’għandux bias meta fil-fatt dejjem hu favur dak li tagħmel l-UE.  Meta inqalgħet il-kwistjoni ta’ Brexit, kull ma smajna kien kemm il-Brexit ser tagħmel ħsara lir-Renju Unit.  Ma smajna xejn dwar l-impatt negattiv li din ser ikollha fuq l-UE.

L-istess meta naqra l-medja ‘indipendenti’.  Nibda nistaqsi, min qed jiffinanzjaha?  X’iskop għandu? U hemm insib baħħ – baħħ li jħassibni ħafna.

Share With: