Fearne: “iż-żieda fil-Covid bix-xorb f’restoranti u gruppi ta’ nies ġewwa”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ipponta subgħajh lejn żewġ raġunijiet ewlenin għala wara l-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena kellna żieda fil-każijiet ġodda’ Covid19.

Waqt li fil-Parlament kien qed iwieġeb mistoqsijiet miż-żewġ naħat tal-Kamra dwar il-pandemija, partikolarment hekk kif matul il-jum stess tħabbru miżuri ġodda b’rabta magħha, Fearne eskluda li ż-żieda kienet ġejja mill-varjant li tfaċċa f’diversi pajjiżi oħra u ftit każijiet feġġew f’pajjiżna wkoll.

L-ewwel raġuni li semma għaż-żieda fil-każijiet kienet dik li ċertu restoranti li suppost servew ikel max-xorb spiċċaw jagħmluha ta’ bars meta l-bars u l-każini kienu magħluqin.

It-tieni raġuni msemmija minn Fearne kienet dik li numru ta’ djar privati u postijiet ta’ akkomodazzjoni spiċċaw inġabru fihom gruppi ta’ nies.

Il-Ministru tas-Saħħa irrefera għall-aħħar miżuri mħabbra u sostna li waqt li l-Gvern ma jridx iwaqqaf il-kiri f’Għawdex min għandu permess li joffri akkomodazzjoni lil numru ta’ persuni jrid jerfa’ ir-responsabbilta li jara li ma jkunx hemm iktar.

L-aħħar miżuri li ħabbar il-Gvern ittieħdu fi sfond tal-biża’ li fi żmien il-Karnival se jkunu bosta dawk li jaqsmu l-fliegu lejn Għawdex biex iqattgħu numru ta’ jiem vaganza hemm.

Sadanittant, għal mistoqsija dwar l-ammont ta’ vaċċin li ngħataw s’issa, Fearne sostna li sat-Tlieta ta’ din il-ġimgħa kienu ingħataw 22,400 doża u sal-ġimgħa d-dieħla din titla’ għal 23,000 jiġifieri nofs is-46,000 doża li waslu s’issa.

Il-Ministru għas-Saħħa irrimarka wkoll li fi żmien ġimgħa qed tingħataa l-ewwel doża tal-vaċċini li pajjiżna qed jirċievi minn ġimgħa għall-oħra.

Share With: