Fl-Italja jibda jinstema’ wieħed mill-akbar każi f’għexieren ta’ snin kontra grupp mafjuż; Mijiet ta’ persuni mixlijin b’akkużi

Illum fl-Italja beda jinstema’ wieħed mill-akbar każi ta’ persuni akkużi b’assoċjazzjoni mal-mafja, b’aktar minn 320 persuna jiġu mixlijin b’sensiela ta’ akkużi, fosthom traffikar ta’ droga, u serq.

Il-proċeduri fil-Qorti għandhom fil-mira tagħhom l-organizzazzjoni kriminali ta’ ‘Ndrangheta, li hija bbażata f’Kalabrija, u li hija meqjusa mill-prosekuturi bħala wieħed mill-aktar gruppi mafjużi b’saħħithom fil-pajjiż.

Il-każ qed jinstema’ f’sala li normalment tintuża bħala call-centre fil-belt ta’ Lamezia Terme, bl-akkużati jkunu preżenti f’gaġeġ tal-ħadid, u ringieli ta’ skrivaniji biex jilqgħu l-mijiet ta’ avukati, prosekuturi u ġurnalisti preżenti.

Bosta mill-akkużati jinkludu avukati, accountants, negozjanti, politiċi lokali, u uffiċjali tal-pulizija.

Il-Prosekuzzjoni mistennija ssejjaħ 913-il xhud, filwaqt li jiġu ppreżentati 24,000 ta’ konverżazzjonijiet interċettati.

L-aħħar darba li l-Italja kienet ressqet mijiet ta’ persuni akkużati b’assoċjazzjoni mal-mafja kien fl-1986 fil-belt ta’ Palermo, f’każ li kien jirrappreżenta mument kruċjali fil-ġlieda tal-istat kontra Costa Nostra.

Share With: