F’qiegħ ta’ sodda bil-Covid19 iżda kienet taħseb biex tirritorna lura biex tikkura l-pazjenti bil-Covid19

Infermiera ta’ dixxindenza Maltija fl-Awstralja nominata għal ‘Thanks a Million’

Minn Victor Vella

Taħdem fir-Royal Melbourne Hospital bħala infermiera. Spiċċat infettata bil-Covid19 u kienet f’qiegħ ta’ sodda. Kien żmien diffiċli imma hu kienet taħseb biss kif se tirritorna lura lejn is-swali biex tikkura l-pazjenti bil-Covid19.

Din hi l-istorja ta’ infermiera ta’ dixxindenza Maltija, Katelyn Azzopardi, li għal dan l-atruwiżmu tagħha ġiet nominata minn nannuha stess għal ‘Thanks a Million”.

Din l-infermiera  ta’ 22 sena kellha kif ngħidu bil-Malta ‘magħmudija tan-nar’ u dan għax fl-ewwel sena tagħha bħala infermiera għamlet xhur sħaħ taħdem fi swali ma’ pazjenti bil-Covid19.

Filfatt hi daħlet taħdem bħala infemiera f’Jannar u proprju f’Marzu is-sala fejn kienet tagħti is-servizzi tagħha, inbidlet għal sala li fiha bdew jitpoġġew pazjenti bil-Covid19. Din kienet żona deskritta bħala Żona Ħamra minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni.

Katelyn Azzopardi tiddeskrivi kif huma kienu jilbsu l-ilbies protettiv kollu. Tiddikjara li “kienet xi ħaġa li bdiet toħloq biża’fina, l-aktar minħabba l-inċertezza. Dan kien l-aktar fil-bidu tal-pandemija għax ma konniex ċerti ta’ x’irridu nagħmlu u dan minħabba li l-protokolli kienu jinbidlu kuljum. Irrid ngħid li l-appoġġ mill-isptar kien eċċezzjonali. Qatt ma ħassejtni waħdi jew fil-periklu”.

Hi kienet bdiet tbati minn griżmejn xotti u wara żdiedu l-uġiegħ ta’ ras. Kien hawn li ttestat pożittiva għall-Covid19. Iżolat ruħha fi kwarantina, bil-familja tagħha kienu jeħdulha l-ikel u l-ilma sal-bieb. Ġara imma li oħtha iż-żgħira Bethany u l-ġenituri tagħha Colleen u Paul ukoll ittestjaw pożittivi għal virus.

Kathelyn tgħid li “meta ġejt pożittiva bżajt. Qatt ma kont ħassejt dawk is-sintomi qabel.”  Li spikka f’Kathelyn kien dak li f’dawk l-erbatax-il jum li għamlet fi kwarantina hi ma kinitx taħseb fiha infisha imma kif se tirritorna biex taqdi u tikkura l-pazjenti.

Fi kliemha stess, “jien kont naħseb fil-kollegi. Kelli ġenn biex nirritorna lura biex ngħin.  Kont inħoss li kelli ix-xogħol x’nagħmel fis-sala. Kien hemm ħafna nies morda li kellhom bżonn l-għajnuna. Minkejja l-isfidi li ffaċċjajt nemmen li din l-esperjenza se tiswieni għal futur. Se tagħmilni infermiera aħjar għal futur.”

Azzopardi kienet nominata għal ‘Thanks a Million Pride of Australia’ Awards minn nannu tagħha stess. Dawn se jsiru fl-24 ta’ Jannar.

Share With: