George Clooney b’suċċess b’The Midnight Sky

Tul il-karriera tiegħu, Goerge Clooney iddistingwa ruħu mhux biss bħala attur imma anke bħala direttur.  Neħħi “The Monuments Men” li seta’ kien aħjar, Clooney iħobb jagħżel films biex jidderieġi li għandhom suġġett diffiċli, imma joħroġ bl-unuri.

Adattat mir-rumanz tal-fantaxjenza tal-Amerikana Lily Brooks-Dalton “Good Morning, Midnight”, li kien ippubblikat fl-2016, “The Midnight Sky” għandu rakkont distopiku bid-dinja tagħna prattikalment waslet fit-tmiem tagħha u l-unika tama li fadal tkun jekk ninvestu f’nofs tużżana li salvaw.

Apparti li hu d-direttur, George Clooney għandu l-parti tax-xjenzat Augustine.  Mhux dak il-karattru ferrieħi u kariżmatiku li rajnih f’bosta films oħra.  Il-karattru qed isofri minn kanċer.  Baqa’ waħdu f’osservatorju abbandunat għax sħabu r-riċerkaturi telquh biex jippruvaw isalvaw mill-katastrofi b’riżultat ta’ radjazzjoni li ħakkmet id-dinja tagħna u ġabet lil kulħadd għarkubtejh.

Minkejja li naħsbu li Augustine kien baqa’ waħdu, titfaċċa tifla (id-debuttanta Caoilinn Springall).  Din it-tifla ma titkellimx (ġlied għal xi żewġ kelmmiet), mhux għax hi muta imma għax tagħżel li ma tlissinx kliem.  Mit-tpinġija li tagħmel, Augustine jikkonkludi li jisimha Iris.

Sadanittant, mill-ispazju tkun qegħda tirritorna l-vettura spazjali Aether minn vjaġġ li ħadha lejn qamar moħbi li għandha l-pjaneta Jupiter.  Il-kru fuq il-vettura spazjali jinkludi lil Sully (Felicity Jones) u lill-Kmandant Tom Adewole (David Oyelowo).  Dawn it-tnejn ikunu koppja u jkunu qed iħejju li jkollhom tarbija.

Augustine jkun qed jipprova jagħmel kuntatt magħhom biex iwissihom b’dak li jkun ġara fid-dinja tagħna.

Oriġinarjament, il-karattru ta’ Sully ma kienx intenzjonata li tkun tqila.  Imma l-attriċi Felicity Jones intebħet li kienet tqila ftit qabel beda l-filming u allura l-iscript ġie adattat biex anke fil-film il-karattru li tinterprita ikun hekk.

George Clooney kellu jitlef aktar minn 13-il kilogram biex ħadem din il-parti.  Barra minn hekk, ħafna mill-film inħadem fl-Islanda f’tempeaturi ta’ 40 grad taħt iż-żero.

Skont Netflix, “The Midnight Sky” (12A) kien il-film li rawh l-aktar subscribers f’77 pajjiż.  Qed jgħidu li sal-aħħar tal-2020 rawh 72 miljun household.  Ħarġuh ukoll fit-teatri ta’16-il pajjiż differenti u għal Netflix, kien il-film li kellu l-akbar udjenzi.

Vanguard

F’karriera ta’ 58 sena, Jackie Chan għamel minn kollox  sabiex jiddeverti l-udjenzi tiegħu.  Imma f’dawn l-aħħar snin, il-films ta’ Jackie Chan saru ferm anqas kreattivi u aktar fotokopja ta’ films oħra.

“Vanguard” hu s-sitt thriller ta’ Jackie Chan li qed jaħdem taħt id-direzzjoni ta’ Stanley Tong.  Bħall-films b’budgets kbar li qed jinħadmu fiċ-Ċina għas-suq internazzjonali, “Vanguard” fih azzjoni spettakolari ntiża biex togħġob lill-akbar udjenzi possibbli.  L-istorja u r-reċtar huma sekondarji.

Jackie Chan hu is-CEO ta’ Vanguard, li hi kumpanija li tati protezzjoni lil nies li jkollhom ħajjithom fil-periklu.  Din il-kumpanija tiġi mqabbda minn negozjant meta ħajtu tiġi mhedda minn organiżżazzjoni ta’ merċinarji. Apparti ħajtu, ikun hemm pjan biex bint dan in-negozjant tiġi maħtufa.

“Vanguard” (Gravitas Ventures/KRS: 12A) għandu xeni li jeħduna f’diversi pajjiżi, fostom fit-Tajwan, Dubaj, Londra, l-Indja u ż-Żambja.

Herself

Wara 10 snin nieqsa bħala direttur ta’ film, Phyllida Lloyd (id-direttur li tatna “Mamma Mia!” u “The Iron Lady”) tirritorna bil-film drammatiku “Herself” (Picturehouse Entertainment: 15), li meta ddebutta bħal daż-żmien sena fil-festival ta’ Sundance, ħalla impressjoni kbira.  Maħdum b’ budġit żgħir, b’atturi mhux magħrufa, dan il-film b’saħħtu ikompli jwassal il-leħen u t-tama lil nisa vittmi ta’ vjolenza domestika.  

Clare Dunne għandha l-parti ta’ Sandra.  Hi omm ta’ żewġt ibniet.  Żewġha hu Gary li jaħseb li billi juża l-forza u l-abbuż, hu ser iżomm lill-martu taħt difrejgħ u b’ħalqha magħluq.  

Il-film għandu nteress partikolari għax jippreżentalna kif fir-Repubblika Irlandiża jiġu ndirizzati każi bħal dawn.  Naħsbu li bl-inizjattivi li ttieħdu riċentament mill-pulizija Maltija, każijiet bħal dawn qed jiġu ndirizzati b’aktar dinjità u abilità hawn Malta.

Fortunatament, Sandra issib ħabiba li lesta toffrilha alternattiva.  Fil-passat, omm Sandra kienet taħdem ma’ Peggy (Harriet Walter) u l-lealtà tmur lura għal diversi snin.  Peggy tkun lesta toffrilha biċċa art żgħira wara d-dar tagħha sabiex tibni d-dar modesta minn dawk tad-do-it-yourself.

Share With: