Għaddej xogħol ta’ restawr tal-ħabitat f’Kemmuna

Ambjent Malta bdiet proġett ta’ restawr tal-ħabitat f’Kemmuna, li jifforma parti min-netwerk Natura 2000, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li l-konservazzjoni tal-ħabitati tal-gżejjer tagħna hija kruċjali biex nipproteġu l-bijodiversità, l-ispeċi kollha tagħna u l-proċessi ekoloġiċi li huma tant importanti għas-sostenibbiltà tal-ambjent tagħna. 

Semma li l-proġett jikkonsisti fit-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi u t-tħawwil ta’ flora indiġena skont il-karatteristiċi speċifiċi għas-sit tal-gżira u l-fitosjoloġija tagħha. 

L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jinkoraġġixxi r-riġenerazzjoni naturali fis-siti restawrati u r-riġenerazzjoni fiż-żoni tal-viċin. 

Barra minn hekk, il-ħabitati restawrati potenzjalment iservu wkoll bħala postijiet għall-mistrieħ u refuġju għal speċi migratorji bħall-għasafar. Saru wkoll xogħlijiet addizzjonali fis-sit tal-kampeġġ Tal-Ful, li jikkonsisti fil-livellar tal-art, l-installazzjoni ta’ sistema għall-irrigazzjoni u fencing.

B’kollox tħawlu 13,878 siġra u arbuxxell indiġeni, inklużi Bruk (Tamarix africana), Żnuber (Pinus halepensis), Ġnibru (Juniperus phoenicea), Imbrijagla (Arbutus unedo), Ċipress (Cupressus sempervirens), Siġret il-virġi (Vitex agnus-castus), Riħan (Myrtus communis), Ballut (Quercus ilex), Rummien (Punica granatum), Ħarrub (Ceratonia siliqua), Għargħar (Tetraclinis articulata), Siġra ta’ Ġuda (Cercis siliquatrum), Deru (Pistacia lentiscus), u Ġummara (Chamaerops humilis), fost l-oħrajn.

Ambjent Malta qed tkompli x-xogħol billi tissorvelja dawn il-pjanti b’mod regolari għal mill-inqas l-ewwel ħames snin mit-tħawwil biex tiżgura li jkunu stabbilixxew fiż-żona. 

Xogħlijiet ta’ manutenzjoni regolari (medja ta’ tmien żjarat fix-xahar) isiru minn Ambjent Malta, u jinkludu qtugħ tal-ħaxix, ħart tal-ħamrija, tibdil ta’ pjanti mejta, installazzjoni ta’ lqugħ tas-siġar biex jipproteġu kontra l-gerriema, tisqija permezz ta’ sistema ta’ irrigazzjoni li tinkludi erba’ tankijiet ta’ 5,000 litru u spezzjoni fuq is-sistema ta’ irrigazzjoni u l-prestazzjoni ġenerali tas-sit.

Share With: