Ġimgħa kwieta għad-Dwana minkejja l-Brexit

L-ewwel ġimgħa tal-Brexit kienet pjuttost kwieta għad-Dwana Maltija u iktar kienet intensiva mil-lat ta’ mistoqsijiet li rċeviet dwar l-importazzjoni mir-Renju Unit.

Inewsmalta ikkuntattja lid-Direttur għall-Affarijiet Internazzjonali tad-Dwana Ian Muscat biex jara kif kienet is-sitwazzjoni fejn jidħol importazzjoni mir-Renju Unit hekk kif mill-1 ta’ Jannar li għadda dan ħareġ mill-UE.

Muscat irrimarka li l-ewwel ġimgħa mill-Brexit kienet “relattivament kwieta” mil-lat ta’ xogħol imma intensiva għall-mistoqsijiet li rċevew bl-iktar komuni jkunu dawk dwar l-importazzjoni ta’ karozzi u ikel impurtat mir-Renju Unit.

Huwa spjegalna kif bil-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit prodotti li jkunu manifatturati jew imkabbra fir-Renju Unit jistgħu jidħlu fil-pajjiżi membri mingħajr ħlas tad-dazju għalkemm il-VAT fuq l-importazzjoni jitħallas dejjem.

Muscat ġabilna eżempju ta’ karozza li l-kumpanija tagħha ġejja minn pajjiż barra l-UE, bħall-Ġappun, fejn jekk din tasal direttament Malta irid jitħallas fuqha d-dazju fuq l-importazzjoni u l-VAT imma jekk tkun inbniet fir-Renju Unit u tinġieb Malta fuqha titħallas biss it-taxxa fuq il-valur miżjud.

Fl-istess waqt jekk karozza tkun mibnija fi stat membru tal-UE, tiġi esportata lejn ir-Renju Unit mbagħad tinġieb Malta hawnhekk ukoll irid jitħallas id-dazju fuq l-importazzjoni barra l-VAT għax tkun inbniet barra r-Renju Unit.

Muscat iċċara li jrid ikun l-esportatur mir-Renju Unit li jipprovdi l-‘statement of origin’ fuq l-‘invoice’ li joħroġ li mbagħad trid tiġi verifikata mid-Dwana Maltija.

Id-Direttur għall-Affarijiet Internazzjonali tad-Dwana żied li mir-Renju Unit jiġi impurtat ammont kbir ta’ ikel u anke hawn tidħol fis-seħħ il-kwistjoni ta’ jekk ikunx manifatturat jew imkabbar fir-Renju Unit.

Muscat irrimarkalna wkoll li għalkemm in-negozju kien kwiet fl-ewwel ġimgħa tas-sena dan mhux dovut għal Brexit għax f’kull bidu tas-sena jiġri dan u wieħed irid iqis ukoll li bħalissa ninsabu f’nofs pandemija.

Huwa spjega li matul is-sena għandek il-perjodu ta’ Novembru u Ottubru li jiżdied ix-xogħol b’rabta mal-Milied imbagħad jikkwieta u jerġa’ jirpilja lejn nofs Frar hekk kif jibda ġej ix-xogħol marbut mal-Għid.

Muscat żied li huma qed jistennew li meta tgħaddi l-pandemija u l-ajruport jerġa’ lura għan-normal il-volum tax-xogħol mir-Renju Unit jiżdied mhux biss mil-lat ta’ prodotti imma anke mil-lat ta’ turisti.

Kien għalhekk ukoll li matul l-aħħar tliet snin id-Dwana ħasbet biex timpjega aktar nies ħalli tkun tista’ tkun f’pożizzjoni tajba li tilqa’ għall-impatt li l-Brexit ġab miegħu.

Share With: