Gvern għan-Nies – Investiment fis-saħħa tan-nies fil-komunità permezz taċ-Ċentru Reġjonali tas Saħħa Ċensu Moran

Il-proġett taċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran se jkun l-ewwel ċentru tas-saħħa reġjonali f’ Malta  b’investiment totali ta’ €42.3 miljun, li minnhom €33 miljun huma fondi Ewropej. 

Waqt żjara, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi sostnew li l-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jiġu  provduti servizzi tas-saħħa varji aktar viċin in-nies fil-komunità.  

Ix-xogħlijiet avvanzaw ferm hekk kif bħalissa għaddejja l-aħħar fażi ta’ skavar, fejn sa issa 80% huwa lest. Dan l-iskavar ma affettwax shelters li nstabu fuq is-sit; hekk kif ġew emendati d-disinji tal-binja  b’mod sostanzjali biex jiġi preservat dan il-wirt. Ġew finalizzati l-pedamenti tal-binja filwaqt li kważi  tlesta proċess intensiv biex jiġi infurzat il-ħajt ta’ Schreiber li kien neċessarju biex jiġi assigurat li l 

binja tinbena skont kif meħtieġ fl-istandards tal-bini ta’ sptarijiet. Id-Deputat Prim Ministru Chris  Fearne spjega kif skont il-pjanijiet preżenti, hu stmat li dan iċ-ċentru jiftaħ il-bibien tiegħu għall pubbliku f’April tal-2022.  

Id-Deputat Prim Ministru, spjega kif dan iċ-ċentru tas-saħħa se jkun qed joffri numru sostanzjali ta’  servizzi lil madwar 150,000 persuna li jgħixu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Huwa spjega kif dan il proġett se jkun wieħed eżemplari u mudell għal ċentri oħra, hekk kif bħalissa għaddejjin ukoll  pjanijiet biex isir ċentru bħal dan fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Barra minn hekk id-Deputat Prim  Ministru stqarr li dan se jkun għodda tajba biex il-kura tas-saħħa mentali toħroġ ‘il barra mill isptarijiet u tingħata fil-komunità stess. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ fondi Ewropej qed inkomplu  ninvestu biex intejbu s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna. 

Huwa stqarr li ċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran se jsaħħaħ il-qasam tas-saħħa primarja u  b’hekk jingħataw is-servizzi viċin in-nies fil-komunità – proġett li minnu se jibbenefikaw l-aktar in nies li jgħixu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, fejn se jiġu provduti numru ta’ servizzi sabiex titnaqqas il pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei.  

Iċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran se jkun f’pożizzjoni li jipprovdi total ta’ 25 servizz li se jinqasmu  f’żewġ kategoriji. Servizzi li diġà qed jiġu offruti fiċ-ċentru tas-saħħa li diġà hemm preżenti f’Raħal  Ġdid, flimkien ma’ servizzi ġodda li jinkludu uħud li bħalissa qed jingħataw biss fl-Isptar Mater Dei. 

Share With: