“Gvern miftuħ għal attività ekonomika li fiċ-ċentru tagħha hemm in-nies” – il-Ministru Silvio Schembri

“Irridu naspiraw għal Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni ffukata iżjed fuq il-bżonnijiet tal-konsumatur”, qal il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt it-tnedija ta’ servizz ġdid mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni. Bl-isem TeleCosts, dan is-servizz se jwassal sabiex konsumaturi tas-servizz tat-telekomunikazzjoni, l-operaturi u l-industrija jkollhom għodda tal-informazzjoni iżjed b’saħħitha fuq il-pakketti ta’ offerti disponibbli fis-suq, għal għażla iżjed infurmata. Meta jżuru l-websajt www.telecosts.com, il-konsumaturi jistgħu jqabblu b’mod konvenjenti l-pjanijiet tat-tariffa lokali kollha disponibbli għat-telefonija mobbli, telefonija fissa, internet kif ukoll servizzi miġbura għat-telefonija, internet u TV. Meta jżuru l-portal, il-konsumaturi jistgħu jiffiltraw l-għażliet fis-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fis-suq abbażi tal-bżonnijiet personali tagħhom. Il-konsumaturi mbagħad jiġu provduti b’lista tal-orħos servizzi offruti fis-suq skont il-preferenzi u l-bżonn ta’ servizz rikjest minnhom.  

Waqt it-tnedija, il-Ministru Schembri ħabbar il-viżjoni tal-gvern għall-MCA li permezz ta’ ħidma proattiva għandha twassal sabiex pajjiżna jkollu soċjetà iżjed diġitali inklussiva, b’benefiċċji tat-teknoloġija diġitali li jinħassu mis-soċjetà kollha. Semma l-investiment kontinwu fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, fosthom investiment mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, f’faċilitajiet ta’ monitoraġġ u taħriġ fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, inkluża sistema state-of-the-art bi stazzjonijiet ta’ monitoraġġ li jinsabu strateġikament madwar il-gżira, fuq perjodu ta’ tliet snin.

Il-ministru nnota li Malta bħalissa qed tibbenefika minn tliet fornituri tan-netwerk tat-telefonija ċellulari li joffru servizzi 4.5G mal-pajjiż kollu, b’wieħed mill-operaturi diġà investa f’infrastruttura lesta għall-5G. Semma li wara s-suċċess tas-snin li għaddew tal-proġett ‘eBiznify’ li permezz tiegħu tħarrġu kważi 200 mikro u SMEs, l-MCA se tkompli tinvesti aktar f’dan il-programm ta’ taħriġ onlajn tal-kummerċ elettroniku u permezz ta’ 90 elf ewro investiment, se tespandih aktar matul is-sena li ġejja biex tattira udjenza saħansitra usa’.

Il-Ministru Silvio Schembri faħħar lill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) għar-reputazzjoni li għandha fil-qasam tar-regolazzjoni diliġenti li tippromwovi u tiffaċilita investiment kontinwu u kompetizzjoni sostenibbli fis-settur. Qal li fuq livell ta’ awtorità, il-viżjoni tal-gvern fil-qasam regolatorju hi li l-MCA tibqa’ tissorvelja d-diversi servizzi offruti fis-settur, fosthom telefonija fissa u mobbli, is-servizzi tal-internet kif ukoll id-distribuzzjoni tat-televiżjoni, partikolarment fejn tidħol regolazzjoni tas-servizzi diġitali fl-Unjoni Ewropea, din ser tkompli bil-vjaġġ tal-‘konnettività intelliġenti’. Dan jinkludi l-introduzzjoni tar-reviżjoni tar-regolamenti tar-roaming, ir-regoli tal-kummerċ elettroniku u d-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, kif ukoll l-Att dwar Servizzi Diġitali mħabbar għal Malta.

Il-ministru sostna dwar l-importanza ta’ konnettività b’saħħitha speċjalment għal gżira bħal Malta li tiddependi fuq l-interazzjoni mal-Ewropa u mas-swieq internazzjonali sabiex pajjiż jibqa’ kompetittiv. “Is-suċċess li ksibna fl-ekonomija ta’ Malta qatt ma kienx ikunu possibbli kieku mhux għall-infrastruttura avvanzata tas-settur tat-telekomunikazzjoni. Se nagħti prijorità lill-industrija tal-komunikazzjoni li ssostni kwanlunkwe industrija oħra. Dan b’mod partikolari fiż-żmien li qed inħarsu lejn id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija f’setturi teknoloġikament avvanzati”.

Saħaq li l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni f’Malta hija mill-aktar żviluppata fl-Ewropa. Fil-fatt, fid-Digital Economy and Society Index 2020 maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, Malta tikklassifika fost l-aħjar ħames pajjiżi fl-Ewropa fir-rigward tal-progress diġitali, b’mod partikulari fl-użu tal-broadband, il-kapaċità tal-internet u l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali min-negozji lokali.

Is-Sur Jesmond Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-MCA, enfasizza li s-servizz tat-TeleCosts se jkun utli biex jgħin lill-konsumaturi jiksbu l-aktar valur mill-pjan ta’ servizz magħżul tagħhom billi jipprovdu informazzjoni trasparenti, aġġornata u komparabbli mill-fornituri tas-servizzi lokali kollha. Żied li fid-dawl tal-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-konsumaturi, l-MCA regolarment tissorvelja l-komunikazzjonijiet elettroniċi biex tidentifika x-xejriet ewlenin li jsawru s-suq. Fl-eżerċizzju ta’ ġbir tad-data l-aktar reċenti tagħha għall-Q3 2020, l-MCA rreġistrat total ta’ 211,060 abbonament tal-broadband fiss minn Settembru 2020, li jissarraf f’żieda ta’ 5.4% fuq is-sena ta’ qabel. Sadanittant, bi kważi 19,000 assorbiment ġdid mit-tliet xhur ta’ qabel, l-abbonamenti tat-telefonija mobbli laħqu 635,040 sa tmiem il-perjodu ta’ rappurtar.

Share With: