Ħamsa mixlijin li ħatfu Sirjan

Erba’ Sirjani u Libjan baqgħu miżmumin taħt arrest wara li kienu mixlijin I ħatfu Sirjan f’dak li jidher li kien argument dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u l-ġlied bejn il-gvern u r-ribelli.

Is-Sirjani huma Alhasan Abdulrahman ta’ 36 sena u Hassan Ahmed ta’ 27 sena li joqgħodu ż-Żurrieq u Ghyas Dahrouj ta’ 47 sena u Dahrouj Safi ta’ 30 sena li joqgħodu Ħal Safi waqt li l-Libjan huwa Fadel Abdulsalam Ahmed Mohamed ta’ 39 sena li joqgħod ir-Rabat.

Huma ġew mixlijin li fit-13 ta’ Jannar żammew lil Mohamed Alsatif Ibrahim kontra l-volontà tiegħu.

Abdulrahman, Ahmed, Safi u Abdulsalam kienu mixlijin ukoll li ikkaġunawlu offiżi ħfief.

Waqt li Abdulrahman waħdu kien mixli wkoll li ħatfu, l-erbgħa l-oħra ġew akkużati li kienu kompliċi miegħu f’dan ir-reat.

Safi, Dahrouj u Mohamed kienu mixlijin ukoll li beżżgħuh li se tintuża vjolenza kontrih.

Il-ħamsa li huma wieġbu mhux ħatja madankollu l-Maġistrat Neville Camilleri ċaħdilhom it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Omar Zammit u Geoffrey Cutajar waqt li l-Avukat Lennox Vella, Amanda Spiteri Grech u Kris Busietta qed jiddefendu lill-ħames akkużati.

Share With: