Il-Covid-19 ħadna lura fi żmien l-olokawst… “Il-biża ta’ x’se jiġri minnek”

Minn Victor Vella

“Skużani mhux fil-burdata llum. Inħossni dipressata. Forsi jkun darba oħra”.  Dan kien il-messaġġ li għadditilna persuna  li 76 sena ilu salvat minn olokawst. Kien messaġġ li ntbagħat lili fl-ewwel xhur tas-sena, eżattament fil-bidu tal-pandemija. Messaġġ li wasal wara li għamilna kuntatt ma’ din il-persuna biex nitkellmu magħha dwar l-esperjenzi tagħha fl-olokawst u l-estremiżmu lemini llum. Messaġġ li jurik l-effett li l-pandemija ħalliet fuq dawk li baqgħu ħajjin mill-okokawst. 

F’kuntatt ma’ Lili, li ukoll għexet dak li ġara fl-olokawst u hi kienet miżmuma f’ghetto fil-Polonja fejn minn familtha hi u ommha biss baqgħu ħajjin, ukoll joħroġ l-aspett ta’ solitudni u dieqa li l-pandemija ħolqot fihom.

“Kellimtha u mhux fi spirtu tajjeb. Hi tgħix waħidha. Għandha ġirien jgħinuha imma l-iżolament sfurzat tal-pandemija qed tħossu ħafna. Jiddispjaċiha ħafna li fil-mument ma tistax titkellem”.

Persuni oħra, li għadhom mimlijin bl-għomor u li salvaw mill-olokawst, kienu qed jiġu mgħejjuna billi joħorġu minn din is-sitwazzjoni permezz tat-teknoloġija.  Jitkellmu man-nies minn madwar id-dinja. Jirċievu ittri. Jirrakkontaw l-istejjer tagħhom. X’jaħsbu fuq dak li qed naraw jiġri llum.

Dwar il-pandemija u l-lockdowns sfurzati jgħidulek ċar li din fakkrithom f’dak li seħħ 76 sena ilu. “Hu eku ta’ dak li konna fih f’Auschwitz.” 

Nistaqsuh jekk iridx ifisser għan-nuqqas ta’ libertà u jgħidilna li “le. F’dari għandi kollox. Għandi li rrid. Li jkolli bżonn iġibuhuli. Meta ngħid eku ta’ 76 sena ilu, hu għal fatt li qed nerġgħu ngħixu l-istess emozzjoni ta’ dak iż-żmien. Il-biża’ ta’ se jiġri minnha”. 

L-esperjenza ta’ Sami… “Ħriġt mill-infern t’Auschwitz. Missieri u oħti le”

Sami Modiano kellu 14-il sena meta s-suldati Russi ħelsu lilu u mijiet oħra mill-kamp ta’ konċentrament infami ta’ Auschwitz. Kien kuntent li ħareġ ħaj. Imma fl-istess ħin kien imdejjaq għax missieru u oħtu ma laħqux ħarġu ħajjin.
Dan is-sit kien tkellem ma’ Sami meta dan kien ġie f’pajjiżna.  Sami, li huwa Taljan ta’ dixxendenza Lhudija, beda biex qal li huwa twieled fil-gżira ta’ Rodi li dak iż-żmien kienet taqa’ taħt it-Taljani. L-ewwel snin ta’ ħajtu jiftakarhom b’nostalġija għax kienu snin sbieħ għall-familja ffurmata minn missieru Giocobbe, omma Diana u oħtu Lucia li kienet tliet snin ikbar minnu.

Tkeċċa mill-iskola għax Lhudi-Taljan

Fil-kommunità kienu jgħixu ma’ 2,000 persuna oħra ta’ dixxendenza Lhudia u fl-iskola huwa kien wieħed mill-iktar tfal bravi. Imma t-tfulija sabiħa ta’ Sami ma kellix iddum. Ta’ tmien snin l-għalliem sejjaħlu biex ikellmu. Mar għax ħaseb li ried ikellmu fuq xi ‘homework’ imma l-għalliema ixxukkjah. Qallu li kien imkeċċi mill-iskola. Sami nsista li jkun jaf imma l-għalliem qallu li missieru kellu jgħidlu x’ħin imur id-dar.
Id-dar sar jaf li huwa ma tkeċċix għax għamel xi ħaġa ħażina imma għax id-dittatur Taljan Benito Mussolini kien ħareġ b’liġi ġdida li kienet twaqqaf lil-Lhud milli jattendu l-iskola. Kellha tkun l-aħħar darba tiegħu bħala student.
Fl-1939, meta allura Sami kellu disa’ snin, faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u Rodi kienet milquta sew mill-ġlied. Sentejn wara t-tfajjel ħa t-tielet l-ikbar xokk ta’ ħajtu meta mietet ommu minħabba mard.
Għalkemm dak iż-żmien kien ta’ dulur kbir li tilifha, illum Sami jirringrazzja lil Alla li mietet qabel il-ħruxijiet li bosta mill-kommunita spiċċaw għaddew minnha. Biss biss huwa grat li fil-gżira għad hemm il-qabar tagħha meta bosta oħrajn tal-eta tiegħu m’għandhomx oqbra fejn jistgħu jsellmu l-memorja tal-għeżież tagħhom.
Fl-1943, meta Sami kellu 13-il sena, l-Italja iddeċidiet li ma tibqax maqgħuda mal-Ġermanja. Kienet deċiżjoni li wasslet biex il-Ġermanja tiddeċiedi li tieħu lil Rodi f’idejha. Ma damitx ma ttieħdet id-deċiżjoni li l-kommunita Lhudija tal-gżira kellha tittieħed f’kamp ta’ konċentrament.
Id-data meta dan kellu jsir ġiet iffissata għat-18 ta’ Lulju 1944. Il-kommunita Lhudija, nkluż Sami, missieru u oħtu, ġew imġegħla jitilgħu fuq numru ta’ vapuri. Malli niżlu l-art ittellgħu fuq il-ferroviji ffullati. Malli waqfet il-ferrovija li kien fuqha, Sami nnota li l-istazzjon fejn waqfu kien differenti minn tas-soltu. Kien hemmhekk li huwa u l-kumplament tan-nies fuq il-ferrovija saru jafu li kienu waqfu quddiem il-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz.
Ftit tal-ħin wara sema l-għajjat. Ħdejn il-ferroviji waslu diversi suldati bil-klieb tar-razza German Shepard li, fi kliemu, bdew jixħtuhom ‘il barra “qisna xkejjer tal-patata”. Għalkemm l-ordni kienet li l-irġiel u n-nisa jinfirdu, missier Sami żamm lil oħtu magħhom kif ippruvaw jagħmlu ġenituri oħra b’uliedhom. Madankollu l-gwardjani xorta ħadulu lil oħtu ta’ 16-il sena minn magħhom.

Sami fost l-20% li ma ntbagħtux għall-gass

Minn hemm il-priġunieri bdew jiġu meħuda quddiem it-tabib li mdawwar mill-gwardjani beda jagħżel liema jibgħat fuq il-lemin tiegħu u liema fuq ix-xellug. Dawk fuq il-lemin kienu destinati għal xogħol iebes sakemm imutu … dawk fuq ix-xellug kienu destinati għall-kmamar tal-gass f’dik li kellha tkun mewt immedjata. Kienu 80% ta’ dawk li waslu bil-ferrovija li spiċċaw inqatlu malli waslu.
F’dan il-ħin tar-rakkont Sami qal li huwa ma riedx isemmi lit-tabib b’ismu. Kienet it-traduttura li qalbet id-diskors tiegħu mit-Taljan għall-Ingliż li semmiet kif dan ma kien ħadd ħlief Josef Mengele li għamel diversi esperimenti fuq il-priġunieri tant li baqa’ magħruf bħala l-“Anġlu tal-Mewt”.
Għalkemm kien ħeles minn mewt immedjata, il-fatt li ħajtu kienet “salvata” ma kien xejn għajr il-bidu ta’ tbatija liema bħalha. Flimkien mal-oħrajn huwa ttieħed f’kamra fejn ġew diżinfettati, kellhom xagħarhom imqaxxar u mogħtija piġama u beritta irrigata. Saritilhom ukoll tpinġija fuq idhom b’numru. Minn dak il-ħin ‘il quddiem Sami ħass li ma kienx baqa’ uman imma li sar numru. In-numru tiegħu, li għadu viżibbli fuq idu, kien B7456. Ta’ missieru kien B7455.
Huwa u l-bqija tal-priġunieri oħra kienu sfurzati jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija u min kien jieqaf għax għejja kien jaqla’ tir bħala twissija għall-oħrajn. Wara ġurnata xogħol kienu jingħataw ħobża tiżen 125 gramma u litru ilmu maħmuġ.
Huwa u missieru kienu jinżammu fi kmamar separati u filgħaxija kienu jiltaqgħu bil-ħarba. Sami beda jfittex fejn kienet oħtu u beda jersaq lejn il-kmamar fejn kienu jinżammu n-nisa li kienu mifrudin minn tal-irġiel bil-‘barbed wire’. 

Tefa’ ħobża lil oħtu, tefatilu lura ma’ tagħha

Darba resaq qrib u ra tfajla xxejjirlu. M’għarafix mill-ewwel u resaq aktar lejha. Induna li kienet oħtu għalkemm ħa xokk meta ra kemm kienet irqaqet mindu ddaħħlu hemm ġew. Lura ħdejn l-irġiel Sami qal lil missieru kif kien sab lil oħtu. Talbu biex huwa wkoll imur jaraha imma l-missier ma kellux kuraġġ jara fiex kienet spiċċat bintu.
Jum minnhom t-tfajjel iddeċieda li jieħu l-ħobża biex jagħtiha lil oħtu. Dawwarha f’maktur u x’ħin resaq lejha tefaha lejn oħtu. Ftit tal-ħin wara oħtu tefatlu xi ħaġa lura … mal-ħobża li kien taha kienet tatu tagħha wkoll. Sami għadu sal-lum iħoss għafsa ta’ qalb meta jiftakar f’dan il-mument.
Wara xahar Sami sar jaf li oħtu kienet mietet. Mhux biss tilef l-unika oħt li kellu imma anke dik li saret it-tieni omm tiegħu wara l-mewt ta’ ommhom. X’ħin tarraf b’dan lil missieru, Sami nnota li missieru beda jitlef il-ħeġġa għall-ħajja. 
Jum minnhom missieru qallu li daqt kien se jasal il-mument fejn ma kienx se jsibu aktar. Fil-jum proprju t-tfajjel innota li missieru dam iktar miegħu u għannqu. Missieru qallu wkoll li kien sejjer fl-infermerija. Sami kien jaf li dak kien ifisser li missieru kien se jispiċċa jintbagħat lejn il-kmamar tal-gass. Irrealizza li missieru kien għażel li jingħaqad ma’ martu u ma’ bintu.
Sami jirrakkonta bid-dmugħ f’għajnejh li fl-aħħar laqgħa ma’ missieru dan insista miegħu li jibqa’ sod u ma jaqtax qalbu. Kellu 45 sena meta miet. Sami għadu jiftakar l-aħħar kliem ta’ missieru li fihom dan insista miegħu li kellu joħroġ ħaj minn hemm.
“Fi żmien 40 jum mindu wasal f’Auschwitz spiċċajt waħdi. Tlift lil oħti u lil missieri”, irrakkonta Sami.
Il-jiem komplew igerrbu u t-tfajjel spiċċa tant tilef piż li kulma kien jiżen madwar 24 kilo. Kompliċi wkoll il-fatt li kulma kien liebes kienet piġama u li fix-xhur tax-xitwa t-temperatura tinżel sew taħt iż-żero, saħħtu kompliet sejra għall-agħar.

L-aħbar li ġejjin ir-Russi ħarrxet lin-Nażisti

Għall-ħabta ta’ Diċembru 1944 bdiet tiġri x-xniegħa li r-Russi kienu waslu viċin ta’ fejn kienu. Jekk din suppost kellha tkun aħbar tajba għall-priġunieri ma ġietx riflessa fl-attitudni tal-gwardjani Nażisti li, skont Sami, saru aktar ħorox f’għemihom. Huwa spiċċa anke jġorr katavri lejn il-krematorju.
Fl-aħħar saħħtu bdiet iċċedi. Spiċċa ntilef minn sensih u ġie mitfugħ fuq numru ta’ katavri. Li jiftakar huwa li ħass xi ħadd imisslu wiċċu. X’ħin fetaħ għajnejh ra suldat Russu. Fil-fatt ma kienet suldat xejn imma tabiba mal-Armata l-Ħamra. Sami jgħid li għalkemm għaddew is-snin għadu sal-lum x’ħin jiftaħ għajnejh iġib quddiemu wiċċ it-tabiba li salvatu.
“Kienet iktar kuntenta hi milli jien. Ma stajtx nifhem kif kien irnexxieli noħroġ ħaj minn dak l-infern. Minn dak iż-żmien ‘il hawn bdejt nistaqsi lili nnifsu għaliex ma mietx bħall-oħrajn. Ftit ilu sibt ir-risposta: irrid ngħaddi l-aħħar jiem ta’ ħajti inwassal il-messaġġ. Ġejt minn Ruma għax ma rrid lil ħadd li jgħaddi minn dak li għaddejt minnu jien”.
L-aħħar appell ta’ Sami  kien biex f’ħajjithom jaraw li ġrajja bħal dik li għadda minnha hu ma terġax tirrepeti ruħha għax dak li raw għajnejh ma kellhomx jarawh nies oħra.

Share With: