“Il-familja ta’ Miriam Pace għadhom qed jistennew ġustizzja” – Id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar

Id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar fid-dibattitu fil-Parlament qal li l-Gvern kien wiegħed li se jippubblika rapport li kienet qed tagħmel kummissjoni. Qal li “fis-sajf sirna nafu li dan ir-rapport tlesta imma l-gvern ma ppubblikahx u issa ġie quddiemna dan l-abbozz. X’qed jaħbi l-Gvern?”

Hu qal li “biex nirrispondu għal dan l-abbozz, hemm bżonn li l-gvern jippubblika ir-rapport ħalli naraw x’fih. Minn hemm irid jibda l-Gvern. Meta l-Prim Ministru ppreżenta ir-reshuffle tiegħu, is-settur tal-kostruzzjoni għadda taħt Ministru ġdid. Għaliex din il-bidla? X’kien hemm li ma kienx qed jiffunzjona tajjeb taħt il-Ministru preċedenti? Qabel kien taħt il-Ministru Ian Borġ. X’kien hemm ħażin?  Jaqaw hemm xi ħaġa f’dak ir-rapport li l-Gven qed jibża’ juriha? Tikxef xi inkompetenza? Wara ħafna stennija, ir-risposta tal-Prim Ministru kienet li se jwaqqaf din l-awtorità.”

Enfasizza li “għaddew tmien snin u l-gvern baqa’ b’idejh fuq żaqqu u ma kellux awtorità li tirregolah. Għaliex issa waslet din? Ma kellniex nagħmluha qabel din l-awtorità? Li kieku qed fuq in-naħa tal-Gvern din ma naħfirha qatt lili nnifsi. Din tfisser inkompetenza. Għax meta hemm problema u tibqa’ ċass lejha hi inkompetenza u xejn iktar. “

Saħaq li “l-qraba ta’ Miriam Pace għadhom qegħdin jistennew ġustizzja. Din tista’ ssir billi jiġi ppubblikat ir-rapport ta’ inkjesta.”

Share With: