Il-Ġermanja l-ewwel pajjiż fil-UE li se juża l-mediċini kontra l-Covid-19 li ntużaw fuq Trump
Minn Carmen Cachia
Il-Ġermanja għadha kemm ħabbret li se tibda tuża l-istess terapija li ntużat fuq l-eks President Amerikan, Donald Trump, meta dan kien marad bil-virus. Dan il-pajjiż qal li sa mill-ġimgħa d-dieħla l-isptarijiet universitarji se jirċievu żewġ tipi ta’ terapiji għal dan il-għan.
Dan il-membru stat tal-UE se jkun l-ewwel wieħed mill-blokk li se jagħti din it-tip ta’ terapija wara li dan il-pajjiż kellu aktar minn żewġ miljuni ta’ infezzjonijiet minn mindu bdiet il-pandemija tal-Coronavirus. Il-Ġermanja s’issa kellha total ta’ 50,000 imwiet minħabba l-Covid-19.
L-użu ta’ din it-terapija jinkludi taħlita ta’ mediċini li jgħinu l-anti korpi u għadhom fi stadju esperimentali. Trump fieq mill-Covid-19 wara li ngħata din it-terapija.
Il-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż, Jens Spahn ħabbar li, “il-gvern xtara 200,000 doża għall-prezz ta’ aktar minn €400 miljun”. F’intervista li dehret fuq il-ġurnal “Bild am Sonntag” huwa spjega li kull doża ġiet tiswihom €2,000 u l-pazjenti se jingħataw din il-kura bla ħlas.