Il-Gvern se jixtri 190 sodda f’residenza ġdida għall-anzjani

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żar dar residenzjali ġdida għall-anzjani f’Ħal Tarxien, fejn ħabbar l-investiment ta’ xiri ta’ aktar sodod mill-gvern.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-fatt li l-investituri komplew jinvestu juri b’mod ċar il-fiduċja li dawn għandhom fil-futur ta’ pajjiżna minkejja s-sitwazzjoni bla preċedent riżultat tal-pandemija. Min-naħa tiegħu, il-gvern qed jagħti l-appoġġ tiegħu, inkluż dak finanzarju biex mhux biss jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi imma jinħoloq ix-xogħol.

“Irridu nimxu pass oltre, insiru aktar professjonali, is-servizzi tagħna jitilgħu tarġa jew tnejn aktar ‘il fuq.”

L-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-popolazzjoni Maltija ta’ ‘l fuq minn 65 sena kibret bi kważi 34,000 ruħ fl-aħħar 10 snin u llum tirrappreżenta 19% tal-popolazzjoni. L-istatistika turi li persuna f’Malta tgħix medja ta’ 87 sena.

Dar l-Annunzjata hija dar residenzjali ġdida għall-kura fit-tul ġewwa Ħal Tarxien li se takkomoda 230 sodda mifruxin fuq seba’ sulari kliniċi. Fit-tmien livell hemm ġnien fuq il-bejt li jista’ jitgawda kemm mill-anzjani kif ukoll mill-qraba tagħhom. Taħt il-livell tal-art, hemm ukoll erba’ sulari fejn se jkun hemm parkeġġ għall-istaff u l-viżitaturi kif ukoll livell mgħammar b’faċilità ta’ kura terapewtika. Il-binja u l-faċilitajiet huma adattati għal persuni bid-dimensja.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li matul din il-pandemija nħolqu numru ta’ sfidi, u li hekk kif waslet it-tilqima f’pajjiżna kontra l-Covid-19 bdew jitlaqqmu l-anzjani f’San Vinċenz de Paul.

“Sa issa ngħatat l-ewwel doża tat-tilqima kontra l-Covid-19 lir-residenti f’San Vincenz de Paul li aċċettaw li jitlaqqmu. 878 anzjan f’San Vinċenz de Paul ingħataw l-ewwel tilqima. Minn għada se tibda tingħata t-tieni tilqima lill-anzjani, filwaqt li fl-istess ħin se nassiguraw li l-impjegati jitlaqqmu wkoll”, qal il-Ministru Michael Farrugia. Sa nofs Frar mistenni li dawn l-anzjani f’San Vinċenz de Paul ikunu ngħataw it-tieni doża tat-tilqima.

Żied jgħid ukoll li fil-każ tad-djar tal-anzjani l-oħrajn it-tilqim miexi b’pass mgħaġġel, riżultat ta’ żieda fid-dożi. Sal-aħħar ta’ Frar hu mistenni li jkunu tlaqqmu bit-tieni doża l-anzjani fid-djar kollha tal-anzjani, inkluż dawk privati.

“L-intenzjoni tal-gvern hi li nkomplu nassiguraw li d-djar tal-anzjani jipprovdu faċilitajiet tal-ogħla kwalità, djar bil-faċilitajiet u l-kura kollha neċessarja. Naħdmu flimkien, l-investitur u l-gvern, għal għan wieħed, soċjetà aħjar”, temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Share With: