Il-GWU tirreġistra tilwima industrijali favur il-membri tagħha ġewwa d-Diviżjoni tax-xogħlijiet tas-servizz pubbliku.

It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU rreġistrat tilwima industrijali favur il-membri tagħha ġewwa d-Diviżjoni tax-xogħlijiet tas-servizz pubbliku. 

Il-GWU kienet iltaqgħet mal-Management sabiex il-ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ periklu fil-għoli jiġu mħallsa skont il-Public Service Management Code (PSMC). Waqt il-laqgħa kien hemm ftehim verbali u l-partijiet kollha laħqu qbil bejniethom ta’ kif inhi l-aħjar sistema sabiex id-dmirijiet li saru, jiġu mniżżla u rrekordjati b’mod oġġettiv.

Ftit tal-ġimgħat wara nqala’ diżgwid ieħor dwar x’formoli kellhom jintużaw biex dawn il-ħaddiema jitħallsu tax-xogħol li sar bejn Settembru 2019 u Frar 2020 u minn Marzu 2020 ʼil quddiem. Din is-sitwazzjoni ġiet solvuta fl-laqgħa mal-Management.

Ftit tal-ġranet ilu l-GWU ġiet infurmata illi għalkemm kien intlaħaq ftehim dwar dawn is-sitwazzjoni kollha, il-ħaddiema xorta waħda għadhom ma tħallsux ta’ numru ta’ xhur bir-rati stabbiliti fil-PSMC.  Minħabba f’hekk il-GWU qed tirreġistra tilwima industrijali skont il-ftehim kollettiv preżenti tas-servizz pubbliku. Il-GWU żżid illi jekk it-tilwima mhux ser tkun solvuta fi tmint ijiem kif inhu stabbilit fl-imsemmi artiklu, hi tirriserva d-dritt li tieħu azzjoni industrijali.

Share With: