Il-kriminalità matul l-2020 tonqos b’16% b’paragun mal-2019

Għar-raba’ sena konsekuttiva kien irreġistrat tnaqqis fir-rata ta’ reati kriminali. Dan jirriżulta minn rapport annwali li jippubblika l-kriminologu, il-Professur Saviour Formosa. Ir-riżultati tar-rapport tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern man-nies’ ġewwa Santa Luċija. 

Meta kien qed jikkummenta dwar dan ir-rapport, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri saħaq li wieħed irid ikun kawt fid-dawl li l-2020 kienet is-sena tal-Covid-19. Iżda, fl-istess ħin spjega kif hemm indikazzjonijiet ċari ħafna li l-isforzi tal-awtoritajiet qed iħallu l-frott. Fuq quddiem nett il-preżenza ta’ iktar pulizija fit-toroq.

It-tnaqqis tal-2020 imqabbel mal-2019 kien ta’ 16%. Fl-2020 kien hemm 13,087 offiża rrappurtata lill-pulizija, tnaqqis ta’ 2,502 fuq is-sena ta’ qabel. Fl-2015 kienu rrapurtati 42 reat għal kull 1000 persuna, dan filwaqt li fl-2020 kienu rrappurtati 25.4 reat għal kull 1000 persuna.

Il-Ministru Camilleri tenna li filwaqt li bit-tnaqqis tat-turisti naqset l-opportunità tar-reat, fil-bidu tal-pandemija kien hemm biża’ li l-kriminalità se tiżdied minħabba diversi ċirkostanzi. “Aġixxejna billi rajna li jkollna l-pulizija fit-toroq u mhux wara bank jistennew ir-rapport, xi ħaġa li qed inżommu kontinwament,” qal il-Ministru Camilleri fid-diskors tiegħu. Ta wkoll elenku ta’ diversi inizjattivi li ttieħdu biex ikollna pajjiż iktar sigur u tkellem kif jifhem li l-vittma jħoss dak li jgħaddi minnhu hu. Għalhekk, qal il-Ministru Camilleri, filwaqt li dawn in-numri huma sodisfaċenti, il-gvern se jieħu passi biex jgħin iktar lill-vittmi.

Fid-diskors tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega kif il-pulizija qed tinvesti biex tkun iktar mħejjija biex tiġġieled il-krimimalità u fakkar kif l-omiċidji kollha li ġraw is-sena li għaddiet kienu solvuti. 

Share With: