Il-Malta Gaming Authority taħtar lil Carl Brincat bħala kap eżekuttiv

L-ewwel darba li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ġie appuntat wara sejħa pubblika

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri jilqa’ l-ħatra ta’ Dr Carl Brincat bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità Maltija għal-Logħob. Il-ħatra ssegwi proċess rigoruż wara li ħarġet sejħa pubblika f’Diċembru tas-sena li għaddiet. Din kienet l-ewwel darba li l-kap eżekuttiv ġie magħżul permezz ta’ proċedura ta’ sejħa pubblika kif irrakkomanda l-Ministru Schembri stess.

“Dan il-proċess itejjeb il-kredibbiltà u d-determinazzjoni tal-Awtorità fil-promozzjoni tat-trasparenza kif ukoll jibgħat messaġġ ċar lill-operaturi tal-logħob dwar is-serjetà tal-ġurisdizzjoni Maltija. Il-kap eżekuttiv il-ġdid se jkompli jtejjeb fuq is-suċċess miksub matul l-aħħar snin li poġġa lil Malta bħala punt ta’ riferiment ewlieni fi ħdan l-industrija tal-logħob li uriet ir-reżiljenza tagħha ripetutament anke fi żminijiet ta’ sfida. Bħala gvern nibqgħu impenjati li nipprovdu l-appoġġ kontinwu u l-assistenza neċessarja lill-kumpaniji tal-gaming, lil dawk attwali u ġodda biex jikbru f’ambjent sigur u ta’ reputazzjoni serja. Nawgura lil Dr Carl Brincat għal dan l-irwol”, qal il-Ministru Schembri.

Dr Carl Brincat huwa avukat u qabel kien jokkupa l-kariga ta’ uffiċjal responsabbli mill-affarijiet legali u l-infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għal-Logħob. Ilu għall-aħħar sitt snin jaħdem fi ħdan l-Awtorità u kien ukoll parti mit-team strateġiku tal-Awtorità, minn kumitati għoljin fejn għandu x’jaqsam il-qasam regolatorju kif ukoll parti mit-team li mexxa ’l quddiem il-bidla fil-liġi dwar il-qafas regolatorju tal-logħob li daħlet fis-seħħ fl-2018.

Share With: