Il-MAM tappella għal aktar restrizzjonijiet lejn tmiem il-ġimgħa

Fi stqarrija maħruġa kmieni dalgħodu l-MAM qalet li tinsab preokkupata minħabba n-numru ta’ infezzjonijiet li bħala medja qed jiżboq il-150 każ ġdid kuljum. L-assoċjazzjoni żiedet tgħid li minkejja li n-numru ta’ persuni li qed jitlaqqmu kuljum huwa inkoraġġanti, dan m’għandux jagħti sens ta’ sigurtà żejda lill-awtoritajiet.

Għalhekk il-MAM appellat lill-awtoritajiet biex jimponu aktar restrizzjonijiet fi tmiem kull ġimgħa biex tiġi kkontrollata aħjar l-imxija tal-Covid-19.

Dan l-assoċjazzjoni qalitu fid-dawl tas-swali tal-isptar Mater Dei li kull ma jmur qed ikomplu jimtlew bil-pazjenti bil-Covid-19 u mhux eskluż li jekk dawn jibqgħu jiżdiedu se naslu f’punt li jintilef il-kontroll u ma jkunx hemm biżżejjed spazju għal kulħadd. Skontha, biex ikun hawn kontroll, il-każi ġodda ma jistgħux jaqbżu l-100 każ kuljum.

Il-MAM fakkret f’dak li ġara fl-aħħar ġimgħat, bil-maġġoranza tal-poplu li osserva l-miżuri maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa, iżda dawk il-ftit li naqsu milli josservaw dawn il-miżuri fi żmien il-festi ħolqu dannu kbir fil-firxa tal-pandemija.

Il-MAM temmen li fi tmiem il-ġimgħa; mill-Ġimgħa sal-Ħadd, l-awtoritajiet għandhom jagħmlu bħala miżura ta’ mitigazzjoni li ssir kontra l-liġi jekk wieħed jinsab barra wara d-9:00 p.m, imqar għal perjodu ta’ ġimagħtejn.

L-istqarrija temmet tgħid li għandhom jiżdiedu l-ispezzjonijiet f’postijiet bħal Paceville u Buġibba mentri għandhom isiru spezzjonijiet fil-festi tal-Karnival.

Share With: