Il-“martri” anti-Trump fil-verità kien pro-Trump

Pulizija jinqatel mis-sostenituri tal-eks-President Amerikan f’attakk ikrah fil-Kungress Amerikan

Minn Carmen Cachia

Il-ġimgħa l-oħra l-Amerika u l-bqija tad-dinja kienu xxokjati b’attakk li sar fil-Capitol, il-bini fejn jiltaqa’ l-Kungress Amerikan, minn sostenituri ta’ Trump. Dawn l-irvellijiet ħallew lil Brian Sicknick, uffiċjal tal-pulizija, mejjet flimkien ma’ erbgħa persuni oħra. Il-mexxejja tal-partit demokratiku lokali ddikjaraw lil Sicknick bħala l-“Martri tar-Reżistenza” ta’ kontra Trump u s-sostenituri perikolużi tiegħu. Li ftit jafu però, huwa li fil-verità l-vittma kien ukoll sostenitur ta’ Donald Trump.

Ir-realtà wara l-istampa ppreżentata fil-midja hija aktar ikkomplikata milli tidher. Il-Kelliem tal-Kamra, Nancy Pelosi, sostiet li l-mewt ta’ Sicknick hija sinjal ċar ta’ kemm hemm bżonn li, “nipproteġu lil pajjiżna minn kull tip ta’ theddid, kemm dak estern, kif ukoll dak intern”.

Il-president elett Joe Biden min-naħa tiegħu qal li kulmin jappoġġja lis-sostenituri ta’ Trump huwa ta’ theddida fuq l-istituzzjoni Amerikana. Dan il-jum ta’ vjolenza jidher li sar bi skuża biex jissiktu jew jiċċanfru dawk kollha li huma kontra Trump.

Minkejja dan il-kliem, la Biden u lanqas Pelosi, ma ammettew fatt pjuttost “partikolari” – Sicknick kien sostenitur ta’ Trump ukoll. Dan kien imħabbar mill-ħabiba tiegħu, Caroline Behringer, ftit wara li Sicknick tilef il-battalja għal ħajtu fl-isptar. Mhux talli huwa kien jaqbel mal-opinjoni tal-grupp ta’ reżistenza, talli kien anke kiteb ittri lill-membri tal-kungress biex Trump ma jgħaddix minn impeachment.

Bħala ħafna sostenituri oħra ta’ Trump li kienu ċċensurati, huwa kien jemmen li s-sistema hija favur l-elite tas-soċjetà u kien anke talab li jkun hemm bidla fir-reġim fl-Amerika.

Il-persuni li issa jridu jonoraw it-tifkira ta’ Sicknick qegħdin jipprovaw jaħbu dawn il-fatti. Jekk dan it-tagħrif joħroġ fil-miftuħ jista’ jxekkilhom milli jittimbraw bħala theddida għas-sigurtà domestika, lil 75 miljun Amerikani li jappoġġjaw lil Trump. 

Fil-fatt kien hemm min diġà beda jabbuża minn dawn il-fatti fejn is-sinjuruni tal-pajjiż qegħdin jiġġustifikaw iċ-ċensura tal-opinjoni tiegħu, dawk liberali laqgħu l-limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, mentri x-xellugin ferħu meta kien hemm użu eċċessiv ta’ poter. 

Il-mistoqsija hija – x’inhija r-raġuni li persuna bħal Sicknick tappoġġja lil Donald Trump? Wieħed jgħid li forsi minħabba s-supremazija tal-bojod, jew minħabba t-teoriji ta’ konspirazzjoni jew inkella xi raġuni oħra mil-lista ta’ affarijiet li l-mezzi tax-xandir isemmu regolarment.

Min huwa dan il-pulizija li miet?

Li nafu fiċ-ċert huwa li Sicknick kien favur Trump. Sitt xhur wara li ggradwa, fl-1997, huwa daħal mal-Gwardja Nazzjonali tal-Ajru. Huwa kien intbagħat fuq missjonijiet fis-Sawdi Għarabja u fil-Kyrgyzstan. F’dan il-perjodu Sicknick kien kiteb għadd ta’ ittri lill-editur tal-ġurnal tal-belt tiegħu fejn kien esprima diżappunt kbir bil-mexxejja tal-pajjiż li huwa kien iservi.

Fl-2001 il-vittma tal-attakki fil-Capitol waqt argument li kellu mas-superjuri tiegħu kien ammetta li, permezz ta’ ittri, ipprova jitlob għajnuna mir-rappreżentanti politiċi. “Ktibt numru kbir ta’ ittri lill-uffiċjali eletti kemm fl-elezzjonijiet statali, kif ukoll fil-gvern federali. Stat wieħed biss irrispondini. Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li wasslitni biex niddeċiedi li nitlaq mill-Gwardja Nazzjonali. M’inix lest li nkompli nipperikola ħajti f’żoni ostili għal gvern li ma jimpurtahx mit-truppi tiegħu,” kien kiteb Sicknick.

Sentejn wara huwa kien anke stqarr li għandu dubji serji dwar il-Gwerra Kontra t-Terroriżmu fejn kien ikkowtat jgħid li, “it-truppi tagħna ma jifilħux aktar u l-moral huwa baxx ħafna. Kemm-il darba qiegħed nisma’ lis-suldati jistaqsu lil xulxin x’baqgħu jagħmlu bħala suldati”.

Huwa kien wasal biex jemmen li l-Istati Uniti hija fi gwerra bla bżonn u li l-White House hija kkontrollata minn kumpaniji taż-żejt. Huwa kien igerger li l-amministrazzjoni ta’ Bush tilgħab bħala pupazzi lis-senaturi tal-Partit Konservattiv u l-konklużjoni tiegħu kienet waħda ħarxa – dik li hemm bżonn ta’ bidla fir-reġim ta’ pajjiżu stess.

Fl-2004 huwa kkritika l-proposta mit-tim ta’ Bush li jerġgħu jagħtu spinta lill-esplorazzjoni tal-ispazju. Sicknick kien isostni li huwa bla sens li mmorru fl-ispazju meta s-sistema tas-saħħa tagħhom hija tant diżastruża u anke għall-fatt li ħafna Amerikani kienu qegħdin jispiċċaw jaqtgħu qalbhom isibu impjieg.

Ir-rabja u d-disperazzjoni tiegħu rigward il-politika fl-Istati Uniti żdiedet ħafna meta nħareġ ir-rapport tal-kummissjoni tan-9/11. Sicknick kien attakka lill-persuni maħtura biex jagħmlu dan ir-rapport u anke esprima dubji dwar kemm se jsir impeachment minħabba dak li ġara. Barra minnhekk, huwa kien jemmen li l-kwistjoni kienet se titwarrab mill-awtoritajiet u tintefa’ taħt tapit.

Rapport ippubblikat fin-New York Post qal li wara li serva lill-pajjiżu u osserva t-tmexxija tal-gvern tiegħu, Sicknick beda jemmen li l-Istati Uniti kienet immexxija minn persuni egoisti li l-uniku interess li għandhom huwa dak personali u li dawn in-nies qatt ma jiffaċċjaw konsegwenzi tal-azzjonijiet jew deċiżjonijiet ħżiena li jagħmlu. 

Rigward dan, hemm evidenza li turi li għandu raġun. Kemm Biden, kif ukoll is-Senatur Chuck Schumer, kienu vvotaw biex tingħata l-awtorizzazzjoni għall-invażjoni iżda ma ffaċċjawx konsegwenzi għad-deċiżjoni ħażina li ħadu. Bħalhom, is-sostenituri tal-invażjoni li għandhom pożizzjoni fil-Kungress, K Street u f’think tanks, ukoll ma ġewx iġġudikati għal din id-deċiżjoni żbaljata. 

Skont dan ir-rapport, l-istess persuni li taw bidu għal gwerra fl-Iraq, li swiet il-miljuni ta’ dollari u ma ħallietx il-frott mixtieq, issa qegħdin jippruvaw jumiljaw u jsikktu lil dawk li jappoġġjaw lil Trump. Jingħad, iżda, li “tħassib li wassal biex jingħaqad grupp ta’ sostenituri ta’ Trump mhux se jisfaxxa sakemm l-elite jwieġbu għall-iżbalji li għamlu”. 

L-istess rapporti jgħidu li ladarba joħroġ dan it-targħrif dwar Sicknick, jekk issir xi tip ta’ ħsara jew umiljazzjoni fil-konfront tan-nies pro-Trump, l-elite se jkunu qegħdin iwaqqgħu l-ġebla fuq saqajhom u jtappnu r-reputazzjoni tal-pulizija Sicknick li tant iridu jonoraw għall-iskopijiet tagħhom.

Share With: