Il-Ministru Justyne Caruana tkompli b’laqgħat mal-imsieħba fis-settur edukattiv

“Huwa importanti li l-istudenti jieħdu rwol parteċipattiv f’materji li jikkonċernawhom, kemm  lokalment u wkoll internazzjonalment”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt  laqgħa kordjali ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Studenti Universitarji li saret fil-Ministeru għall Edukazzjoni. 

Il-Ministru Caruana kompliet bis-sensiela ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali u wkoll ma’ entitajiet u  għaqdiet li l-ħidma tagħhom hija konnessa mas-settur edukattiv. Fil-laqgħa tal-lum hija ltaqgħet mal President tal-KSU Matthew Xuereb kif ukoll il-Koordinatur dwar l-Edukazzjoni tal-KSU Elsa Cassar. 

Matul il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ suġġetti li jolqtu lill-istudenti, fosthom is-sehem tal-istudenti  f’fora diversi u wkoll suġġetti oħra li dwarhom il-KSU ressqet is-suġġerimenti tagħha. 

Il-Ministru Justyne Caruana stqarret li hija tinsab hemm biex fost oħrajn tgħin lill-istudent mhux biss  f’dak li huwa tagħlim u studju, imma wkoll biex tagħtihom appoġġ għal dak li jkollhom bżonn.

Share With: