Il-Ministru Justyne Caruana tniedi l-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ta’ Malta

L-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ta’ Malta (MFHEA) tnediet uffiċjalment mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana. L-Awtorità hija leġiżlata bl-Att dwar l-Edukazzjoni rivedut li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 u taħdem b’mod indipendenti biex tiżgura l-ogħla standards ta’ edukazzjoni u trawwem komunità dejjem aktar kompetenti. L-entità tħares li l-istudenti tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla jirċievu edukazzjoni tal-aħjar kwalità.

F’diskors li permezz tiegħu nediet l-Awtorità, il-Ministru Caruana qalet li bħala gvern, bħala pajjiż, aħna impenjati biex inġibu tkabbir għan-nazzjon tagħna u għall-poplu tagħna. “Aħna impenjati li nipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità b’mod ekwu. Dan huwa punt li ma niddejjaqx nenfasizza, għaliex sa mill-bidu li dħalt għal din ir-responsabbiltà, stqarrejt dak li bis-sħiħ nemmen fih, li l-edukazzjoni inklussiva u l-ekwità huma dritt fundamentali ta’ kull tifel u tifla. Mhux sempliċiment nipprovdu aċċess għall-istituzzjonijiet iżda permezz tas-servizzi tal-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla nrawmu komunità fejn kulħadd iħossu stmat u aċċettat”. Il-ministru żiedet tgħid li, “F’dan iż-żmien partikolari, ilkoll kemm aħna msejħa għall-azzjoni lejn kwalità għolja fl-edukazzjoni”.

Il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv Dr Rose Anne Cuschieri qalet li l-Awtorità, “Topera b’mod biex tilleġittima u tissalvagwardja kemm l-istituzzjonijiet, kemm il-programmi ta’ studju li joffru kif ukoll lill-istudenti. Taħdem f’konformità mal-istandards tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tippromwovi aktar l-edukazzjoni fil-komunità”.

Fil-fatt, l-Awtorità tirregola l-istituzzjonijiet edukattivi u lill-provdituri tat-tagħlim avvanzat u ogħla u għandha diversi rwoli. B’mod ġenerali l-entità tirregola, tiggwida, tevalwa, tivverifika, tirriċerka u tirrapporta dwar l-elementi diversi tas-sistema edukattiva bl-iskop li tiżgura edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u biex tippromwovi prattiċi tajbin. L-irwoli ewlenin huma, ‘L-akkreditament’ li tfisser l-approvazzjoni formali mill-kummissjoni, li l-ħidma ta’ provditur ta’ edukazzjoni avvanzata jew ogħla, jew ta’ programm ta’ edukazzjoni marbut ma’ livelli fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki, tilħaq l-istandards ta’ kwalità; u ‘L-assigurazzjoni ta’ kwalità’ li tirreferi għall-proċess li jipproteġi l-kwalità ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla fil-kuntest ekonomiku, soċjali u kulturali, fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali.

Dawn il-proċessi jistgħu jwasslu għall-‘għoti ta’ liċenzja’ li tirreferi għall-proċess biex il-provdituri jagħtu kwalifiki nazzjonali jew kwalifiki barranin f’livell komparabbli. Irwoli oħra huma: ‘Ir-rikonoxximent formali miċ-Ċentru Malti għal Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u ta’ Informazzjoni’ u ‘Ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki Professjonali’.

L-MFHEA tivvalida tagħlim li jkun sar b’mod informali u mhux formali u tikklassifika din il-valutazzjoni f’livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. B’ ‘tagħlim informali’ nfissru tagħlim li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kuljum li jkunu relatati ma’ xogħol, familja jew mistrieħ u li ma jkunx organizzat jew strutturat f’termini ta’ objettivi, ħin jew appoġġ għat-tagħlim; waqt li ‘tagħlim mhux formali’ nfissru tagħlim integrat f’attività ppjanata li tkun organizzata barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali. 

L-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla hija edukazzjoni li mhix obbligatorja, jiġifieri korsijiet li jkunu qed jiġu segwiti f’istituzzjonijiet post-sekondarji, vokazzjonali u terzjarji li jinkludu korsijet ta’ apprentistat. Il-Kummissjoni tiddetermina l-livell edukattiv li jfisser il-livell tal-Qafas ta’ Kwalifiki ta’ Malta. L-edukazzjoni avvanzata hija l-edukazzjoni kumparabbli sa livell erbgħa waqt li l-edukazzjoni ogħla tirreferi għall-edukazzjoni minn livell ħamsa ’l fuq.

L-assigurazzjoni tal-kwalità hija importanti ħafna biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-effiċjenza. Dan jgħin biex tinħoloq sistema ta’ edukazzjoni lokali affidabbli għall-benefiċċju kemm ta’ studenti nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Barra minn hekk, l-assigurazzjoni tal-kwalità hija s-sinsla ta’ kwalunkwe qafas nazzjonali tal-kwalifiki. L-assigurazzjoni tal-kwalità ttejjeb u tassigura l-użu ta’ miżuri xierqa bħala mezzi biex titjieb il-kwalità ta’ governanza istituzzjonali; it-tisħiħ, it-tagħlim, l-għarfien, it-taħriġ u r-riċerka tal-istudenti mmirati biex tinkiseb esperjenza ħolistika edukattiva ta’ kwalità.

Il-Qafas tal-Kwalifiki ta’ Malta (MQF) jgħin biex is-sistema tal-kwalifiki Maltin tkun aktar faċli biex tinftiehem u biex tiġi riveduta filwaqt li tkun aktar trasparenti fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Dan jiżgura l-portabbiltà tal-kwalifiki minn pajjiż għall-ieħor u jinkoraġġixxi aktar mobbiltà f’termini ta’ impjieg.

Il-livelli ta’ referenza jagħmluha aktar faċli biex ikun mifhum kemm jaf, x’jaf, x’jifhem u x’kapaċi jagħmel student bi kwalifika relatata mal-Qafas ta’ Kwalifiki ta’ Malta. Dawn il-livelli huma punti ta’ referenza li għandhom jintużaw għall-kwalifiki kollha irrispettivament jekk joħorġux minn edukazzjoni akkademika jew vokazzjonali; tagħlim formali, informali u mhux formali. Dawn il-livelli huma utli għaliex jiddeskrivu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi u jindikaw lill-istudent fejn iwassal il-proċess ta’ tagħlim.

L-Awtorità tistinka għal edukazzjoni ta’ kwalità biex trawwem futur dejjem aktar kunfidenti. Temmen bis-sħiħ fil-bidla pożittiva li l-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ta’ kwalità tagħti setgħa lill-individwu, lill-komunità u fl-aħħar mill-aħħar lill-pajjiż.

It-tnedija tal-Awtorità kienet indirizzata wkoll mill-Imħallef Emeritu Dr Noel Cuschieri.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit mfhea.mt.

Share With: