Il-MPE Alex Agius Saliba b’appoġġ b’saħħtu fuq ir-Right to Disconnect fil-Parlament Ewropew

Illum, il-Parlament Ewropew approva r-rapport tal-MPE Alex Agius Saliba dwar Id-Dritt ta’ Skonnettjar li jsejjaħ għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tagħti dan id-dritt lill-ħaddiema Ewropej kollha. Fil-vot kien hemm 472 voti favur, 126 kontra u 83 li astenew. 

F’kummenti li ta wara l-votazzjoni fuq ir-rapport, il-MPE tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Alex Agius Saliba qal:“Il-vot tal-lum huwa pass storiku għall-ħaddiema Ewropej. Aħna poġġejna fuq l-Aġenda Ewropea d-dritt tal-ħaddiema kollha li jiskonnettjaw fil-ħin liberu tagħhom.”

Il-MPE Agius Saliba nnota b’sodisfazzjon kbir li l-Parlament għamel xogħlu, u appella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali Schmit biex jaġixxu immedjatament u jressqu proposta leġiżlattiva dwar dan id-dritt. Huwa żied jgħid li l-impatt reali fuq id-drittijiet tal-ħaddiema tant meħtieġa fid-dinja diġitali jistgħu jiġu żgurati biss permezz ta’ leġislazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

“Il-pandemija COVID-19 biddlet b’mod fundamentali l-mod kif naħdmu. Issa aktar minn wieħed minn kull tliet ħaddiema Ewropej qed jaħdem mid-dar. Il-pressjoni biex tkun dejjem ‘on’, dejjem aċċessibbli, qed tikber. L-għodod diġitali jagħmluha partikolarment diffiċli li nieqfu naħdmu fil-ħin liberu tagħna. Aħna lkoll nafu s-sensazzjoni ta’ pressjoni kostanti biex niċċekkjaw jew inħossuna obbligati li nwieġbu emajls u messaġġi relatati max-xogħol, u nkunu preokkupati li l-attenzjoni immedjata tagħna hija meħtieġa.”

Il-MPE tal-Partit Laburista nnota li l-impatt fuq il-ħajja umana huwa għoli: Minn sahra mhux imħallsa sal-eżawriment, u insista li l-UE ma tistax tabbanduna miljuni ta’ ħaddiema Ewropej, li baqgħu sejrin u għamlu xogħolhom taħt iċ-ċirkostanzi estremament diffiċli tal-pandemija, u li spiċċaw bil-pressjoni biex ikunu dejjem ikkargati u b’ħinijiet tax-xogħol imġebbda. Huwa qal,”Issa huwa l-mument li nkunu fuq in-naħa tal-ħaddiema u nagħtuhom dak li jixirqilhom: Id-dritt li jiskonnettjaw.”

Fid-diskors tiegħu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, il-MPE Agius Saliba enfasizza li huwa fundamentali li l-ħaddiema jkunu protetti mill-invażjoni fil-ħin ta’ mistrieħ tagħhom u li jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom għall-mistrieħ u d-divertiment u li jkollhom limitu massimu tal-ġurnata tax-xogħol jiġu salvagwardjati. Hu żied jgħid li għal din ir-raġuni, l-Unjoni Ewropea teħtieġ l-introduzzjoni tar-Right to Disconnect bħala dritt fundamentali.  

Dan id-dritt jippermetti lill-ħaddiema li joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom f’attivitajiet relatati max-xogħol, inkluż komunikazzjoni elettronika, bħal telefonati, emajls, u messaġġi oħra, barra mill-ħin tax-xogħol tagħhom, inkluż matul perjodi ta’ mistrieħ, festi uffiċjali u annwali, maternità, paternità, u leave parentali, u tipi differenti ta’ leave, mingħajr ma jiffaċċjaw xi konsegwenzi negattivi.

Share With: