“Il-Pandemija offritilna sfidi ġodda … Sodisfazzjon li nkunu rnexxielna nsalvaw il-ħajjiet” – Ħaddiema tal-ambulanzi

“F’xogħlna niltaqgħu ma’ ħafna sitwazjonijiet. Niltaqgħu ukoll ma’ kull tip ta’ mard.” Hekk bdew biex jgħidulna ħaddiema tal-ambulanzi meta mitlubin reazzjoni b’rabta mal-ħidma tagħhom waqt il-pandemija.

Dawn il-ħaddiema ta’ kuljum ikollhom jintervjenu f’diversi siti fejn ikunu seħħu inċidenti fosthom f’siti tal-kostruzzjoni u fuq diversi sejħiet ta’ assistenza minħabba inċidenti tat-traffiku.

Huma komplew jgħidulna li  “Hemm min jaħseb li xogħolna bħala Emergency Ambulance Responders huwa faċli. Dan hu xogħol li fih il-piż tiegħu ukoll. Jekk tkun qed issuq trid tkun iffukat u preċiż biex tasal fil-ħin u fl-istess ħin tkun sigur kemm għalik, għal sħabek u għaċ-ċittadini fit-toroq.”

Dawn il-ħaddiema jridu jagħmlu dan kollu filwaqt li jibqgħu attenti għall-istruzzjoniet li jagħtuhom l-infermieri biex il-pazjent dejjem jinżamm stabbli. Minkejja dawn id-diffikultajiet huma ddeskrivew xogħolhom bħala ta’ sodisfazzjon speċjalment meta jirnexxielhom iwasslu l-isptar fil-ħin lill-pazjenti u saħansitra jsalvaw il-ħajjiet.     

Share With: