Il-Pazjenti tal-Isptar Karen Grech li qed jirċievu kura fit-tul kollha ngħataw l-ewwel doża tal-vaċċin tal-COVID-19

Il-pazjenti kollha fl-Isptar Karen Grech li għandhom ’il fuq minn 85 sena u qed jirċievu kura ta’ rijabilitazzjoni, kif ukoll il-pazjenti ta’ ’l fuq minn sittin sena li qed jirċievu kura fit-tul, ingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin tal-COVID-19.  

Dan bl-eċċezzjoni ta’ pazjenti li huma pożittivi għall-COVID-19 jew jinsabu kwarantina, li se jkunu qed jitlaqqmu ladabra saħħithom tippermetti, u bl-eċċezzjoni ta’ pazjenti li ma setgħux jieħdu t-tilqima minħabba kundizzjonijiet mediċi jew li rrifjutaw it-tilqima.   

Dan filwaqt li qed jitlaqqmu wkoll il-professjonisti mediċi u l-ħaddiema tal-Isptar, skont il-pjan tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. 

Pazjenti tal-onkoloġija se jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19 qabel ma jibdew jirċievu l-kimoterapija 

Min-nhar l-Erbgħa l-pazjenti tal-onkoloġija li jkunu waslu biex jieħdu l-kimoterapija se jibdew jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19. Dan sabiex dawn l-individwi jkunu protetti mill-COVID-19 qabel ma tiddgħajjef l-immunità tagħhom. 

Dan il-proċess se jkun organizzat mill-Isptar Mater Dei stess u se jkunu l-konsulenti tal-pazjenti li jindikaw meta se jingħataw il-vaċċin, skont protokol li ġie stabbilit mill-Awtoritajiet għas-Saħħa. 

Pazjenti tal-onkoloġija li qegħdin jieħdu l-kimoterapija bħalissa se jkunu qed jingħataw data iktar ’il quddiem, mill-istess konsulenti, skont il-qagħda tas-saħħa tal-pazjenti. 

Share With: