Il-Pfizer se tagħti nofs il-produzzjoni tal-2021 lill-UE

Pajjiżi Ewropej taħt pressjoni biex jitħaffef il-programm ta’ tilqim kontra l-Covid-19

Stati membri tal-blokk Ewropew jiddeċiedu huma x’inhuwa l-aħjar mod u kif jagħtu t-tilqima ta’ kontra l-Covid-19 liċ-ċittadini tagħhom, iżda l-Unjoni Ewropea qiegħda tikkordina l-istrateġija u x-xiri ta’ din it-tilqim. Fi tmiem il-ġimgħa, il-Kummissjoni Ewropea rnexxielha tilħaq ftehim ieħor biex tixtri 300 miljun doża tat-tilqima Pfizer-BioNTech. Dan ikun ifisser li din il-kumpanija se tagħti lill-Unjoni Ewropea kważi nofs il-produzzjoni tagħha għall-2021.

Fi stħarriġ irrapportat mill-BBC ingħatat ħarsa tas-sitwazzjoni tat-tilqim kontra l-Coronavirus f’seba’ pajjiżi Ewropej – il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, Russja, Svezja, Belġju u Spanja li kollha qegħdin jaraw kif il-proċess jista’ jkun aktar mgħaġġel wara kritika li saret fil-jiem li għaddew.

Il-Ġermanja 

Mit-tilqim ordnat mill-UE, il-Ġermanja jmissha 56 miljun doża. S’issa dan il-pajjiż irċieva 1.3 miljun tat-tilqima kontra l-Covid-19. Din is-sena fil-Ġermanja jmiss l-elezzjoni ġenerali u l-programm nazzjonali tat-tilqim kontra l-pandemija qiegħed jintuża bħala għodda għall-propaganda politika.

Il-fatt li kienu xjenzati Ġermaniżi li żviluppaw l-ewwel tilqima effettiva kontra l-Covid-19 wasslet biex dan il-pajjiż iħossu kburi bih innifsu. Barra minnhekk, jidher li l-maġġoranza tal-Ġermaniżi jħossuhom komdi jieħdu din it-tilqima għax m’humiex jibżgħu li jkun hemm effetti negattivi.

Stħarriġ riċenti sab li 65% tal-popolazzjoni lesta li titlaqqam kontra l-Covid-19 u studju ieħor wera li inqas minn kwart ta’ dawk li pparteċipaw, mhux se jeħduha.

It-tilqim f’dan il-pajjiż ilu li beda 20 ġurnata u l-prijorità qiegħda tingħata lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 80 sena, lil dawk li jaħdmu fid-djar tal-anzjani u lil dawk li joffru servizzi ta’ kura lil din l-istess faxxa ta’ persuni. Fl-ewwel ġimgħatejn kienu diġà ngħataw kważi nofs miljun tilqima tal-ewwel doża.

Minkejja li nbdew mijiet ta’ ċentri għat-tilqim speċifikament għalhekk, il-Gvern lokali ammetta li m’għandux biżżejjed dożi. Minħabba f’hekk, kemm Merkel, kif ukoll il-Ministru tas-Saħħa Jens Spahn, kienu kkritikati li ma ordnawx biżżejjed dożi. Ħafna mill-kritika saret mill-koalizzjoni ta’ Merkel stess iżda kien hemm tħassib ukoll mill-komunità xjentifika. Fost il-kummenti kien hemm min qal li l-Ġermanja aktar ħadet ħsieb l-interessi tal-blokk Ewropew milli dak nazzjonali. Fl-istess ħin, ix-xjenzati li żviluppaw it-tilqima tal-Covid-19 qalu pubblikament li fil-verità l-UE kienet irrifjutat offerta li żżied mal-ordni oriġinali tagħha.

F’dawn l-aħħar ġranet, il-Ġermanja ordnat 30 miljun doża oħra wara li kien hemm l-approvazzjoni tal-UE għat-tilqima ta’ Moderna

Ir-Repubblika Ċeka 

Il-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis, esprima diżappunt għal dak li jidher li huwa dewmien żejjed fit-tqassim tat-tilqima  kontra l-Covid-19. Il-ħidma ta’ tilqim fir-Repubblika Ċeka beda fis-27 ta’ Diċembru fejn Babis kien l-ewwel persuna fil-pajjiż li ħa din it-tilqima. Huwa għandu 66 sena u kien hemm min kellu d-dubji kemm fil-verità seta’ jieħu t-tilqima minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Jingħad li l-programm ta’ tilqim ta’ dan il-pajjiż kellu bidu mzappap. Babis, negozjant biljunarju, kien ikkwotat jgħid li, “aħna ħsibna li ladarba f’Novembru tajna l-kontribut ta’ €12-il miljun lill-Fond Ewropew, konna se nirċievu t-tilqima”. Il-Ministru tas-Saħħa lokali f’dawn il-ġranet, ikkonferma li t-tilqim tal-persuni fl-akbar riskju mistenni jdum ix-xhur biex isir.

Dan il-pajjiż irċieva 30,000 doża tat-tilqima tal-Pfizer u s’issa ngħatat lil 19,918 persuna. Dan il-Gvern saħaq li lest jibda l-programm ta’ tilqim fuq skala nazzjonali, ladarba jirċievi aktar konsenji.

Franza 

Il-bidu diżappuntanti tat-tilqim f’dan il-pajjiż ġie kkontribwit għall-burokrazija u x-xettiċiżmu lejn l-istess tilqima. Ir-reputazzjoni ta’ Franza bħala stat effiċjenti xxejnet wara bidu difettuż tal-programm tagħha tat-tilqim kontra l-Covid-19. Wara l-ewwel ġimgħa, il-pajjiż ġar tagħha – il-Ġermanja – kien diġà laqqam madwar kwart ta’ miljun persuna, mentri Franza kellha 530 biss lesti. Ftit ġranet wara l-figuri mbagħad telgħu għal 45,500 iżda dan l-ammont xorta waħda għandu kkonsidrat bħala baxx wisq.

Ħafna jistaqsu għala hemmm dan id-dewmien kollu biex Franza timmaterjalizza l-pjan tagħha. Żgur li mhuwiex il-każ li ma kellhomx ċans jippreparaw ruhom u żgur li l-kwistjoni mhix għax m’għandhomx it-tilqima. Fil-fatt, Franza diġà ħażnet aktar minn miljun doża tal-Pfizer iżda għadha ma wżathomx. 

Rapporti lokali qalu li r-raġuni ewlenija wara dan id-dewmien kollu hija l-burokrazija ċentralizzata fis-settur tas-saħħa ta’ Franza fejn il-ħaddiema fid-djar tal-anzjani ngħataw dokument twil 45 paġna mimli istruzzjonijiet biex il-ministeru jkun ċert li fehmu l-proċeduri kollha.

L-għan wara din il-proċedura twila huwa li jkunu salvati l-ħajjiet iżda fl-istess ħin qegħdin jintilfu l-ħajjiet bil-marda kkawżata mill-virus. Problema oħra hija li fi Franza hemm xettiċiżmu kbir rigward it-tehid tat-tilqima kontra l-Covid-19. Huwa stmat li hemm sa 58% tal-popolazzjoni Franċiża li ma tridx tieħu din it-tilqima u l-Gvern min-naħa tiegħu qiegħed jimxi b’kawtela biex ma jitfax pressjoni u fl-istess ibeżża’ lin-nies bil-konsegwenza li aktar jopponu biex jeħduha.

Wara li Macron esprima r-rabja tiegħu minħabba d-dewmien, ir-ritmu tat-tilqim beda ritmu tajjeb. Il-pjan huwa li sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar jinfetħu bejn 500 sa 600 ċentri apposta mal-pajjiż kollu. Politikament hemm ħafna x’jintilef jekk il-pjan ifalli. Il-Gvern diġà kien attakkat minħabba l-maskri u t-testijiet. L-Oppożizzjoni qalet li dan id-dewmien huwa “skandlu statali” għalhekk Macron għandu pressjoni biex ilaqqam lill-poplu b’mod aktar konsistenti u aktar malajr.

Russja 

It-tqassim tat-tilqima fir-Russja kellu ritmu tajjeb iżda ħaġa waħda hemm nieqsa… dik li t-tilqima Sputnik V jeħodha wkoll Vladimir Putin. Dan il-pajjiż irreġistra t-tilqima tiegħu f’Awwissu li għadda u dan qabel ma kienet iċċertifikata bħala tilqima sigura u effettiva mill-korpi mediċi internazzjonali.

F’Diċembru t-testijiet ta’ Sputnik kienu għadhom għaddejjin imma l-poplu Russu kien diġà qiegħed jitlaqqam u dan sew qabel dak fl-Ewropa. Din l-“għaġġla” fit-tilqim fir-Russja kienet kemm minħabba li kienu kburin li żviluppaw din it-tilqima, kif ukoll minħabba l-ħtieġa urġenti għall-ħarsien tas-saħħa pubblika.

Sputnik l-ewwel ingħatat lill-frontliners fil-qasam tas-saħħa u edukattiv iżda minħabba n-neċessità tat-tieni doża, irriżulta li kien hemm xi dewmien u l-lista ta’ dawk eleġibbli żdiedet sewwa. Minkejja intoppi ‘l hemm u ‘l hawn dan il-pajjiż ħabbar li diġà laqqam miljun persuna.

Mistoqsija li qiegħda tiċċirkola hija għala l-President Putin għadu ma ħax it-tilqima li tant huwa kburi biha. Il-Kremlin min-naħa tiegħu, dejjem insista li meta jasal iż-żmien, Putin jeħodha wkoll. Sadanittant rapporti lokali qalu li dawk li jiltaqgħu ma’ Putin huma mitluba jagħmlu t-test tal-Covid-19 qabel u xi drabi jintbagħtu fi kwarantina biex jevitaw li xi ħadd marid jinfetta lil dan il-President bil-virus. 

Putin huwa mistenni jkun ta’ eżempju u jieħu t-tilqima iżda huwa dejjem saħaq li l-prijorità tiegħu hija li jlaqqam kemm jista’ jkun nies fuq skala nazzjonali bil-għan li jevita li jkollu jerġa’ jordna lockdown.

Svezja 

Hekk kif dan il-pajjiż qiegħed jesperjenza żieda konsiderevoli ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19, programm nazzjonali tat-tilqima huwa kruċjali. Wara ġimgħatejn minn mindu l-anzjana ta’ 91 sena – Gun-Britt Johnsson – kienet l-ewwel Svediża li ngħatat l-ewwel doża tat-tilqima minn Pfizer, għadu mhux magħruf b’mod uffiċjali n-numru ta’ persuni ħaduha s’issa.

L-awtoritajiet tas-saħħa Svediżi għaddejjin bi pjan ta’ azzjoni għall-21 reġjun tagħhom bil-għan li jlaqqmu lill-popolazzjoni kollha, li hija madwar tmien miljun persuna, sas-26 ta’ Ġunju. Din id-data m’hiex ikkonfermata anke minħabba l-fatt li taħbat fl-itwal weekend holiday tas-sena meta tradizzjonalment l-Isvediżi jiċċelebraw il-perjodu ta’ nofs is-sajf u kollox jiddependi mill-konsenji tat-tilqim fil-pajjiż.

Flimkien ma’ 4.5 miljun doża minn Pfizer-BioNTech, l-Isvezja ordnat 3.6 miljun tilqima oħra minn Moderna li huma mistennija jaslu l-ġimgħa d-dieħla. Dan il-pajjiż qiegħed ukoll jippjana li jibda jagħti dożi ta’ Oxford-AstraZeneca hekk kif tkun approvata mill-UE, idealment sax-xahar li ġej.

L-Isvediżi għall-bidu kienu jidhru inċerti li jieħdu tilqima li ġiet żviluppata f’daqshekk qasir żmien imma fi studju li sar f’Diċembru li għadda rriżulta li 71% se jeħduha. Ix-xettiċiżmu għat-tilqima li nħass fil-bidu huwa maħsub li seħħ wara l-esperjenza tat-tilqim fuq skala nazzjonali tal-Iswine Flu fl-2009. Mijiet ta’ tfal u adoloxxenti Svediżi kellhom problemi fl-irqad, fejn wara nstab li d-diżordni li bdew ibatu minnha kienet effett negattiv tat-tilqima “Pandemrix”.

Programm ta’ tilqim ta’ suċċess huwa kruċjali għal dan il-pajjiż mhux biss minħabba li l-awtoritajiet qegħdin jitilfu l-fiduċja tal-poplu, iżda anke minħabba li l-approċċ li ħadu li ma jagħmlux l-lockdowns l-Isvezja issa qiegħda tbati biex tikkontrolla l-imxija.

Belġju 

Jidher li gvern ġdid fiż-żmien li fih suppost jingħata bidu għal pjan nazzjonali ta’ tilqim m’huwiex adattat u vijabbli. L-ewwel persuna fil-Belġju li ngħatat it-tilqima tal-Covid-19 kien Jos Hermans, anzjan ta’ 96 sena minn Puurs, il-post fejn kienet żviluppata l-ewwel tilqima approvata kontra l-virus. Huwa ngħata t-tilqima fir-residenza tal-anzjani li jgħix fiha nhar it-28 ta’ Diċembru, 2020. Wara, 700 anzjani oħra ngħataw doża tat-tilqima.

Il-programm ta’ dan il-pajjiż beda fil-5 ta’ Jannar iżda kien hemm kritika li l-affarijiet mexjin bil-mod wisq. Il-Ministru Federali tas-Saħħa, Frank Vandenbroucke wiegħed li f’Novembru t-tilqim se jsir malajr u faċilment u huwa kien tant kunfidenti li tella’ tweet fejn qal li, “jekk ma taħdimx, sparawli”.

L-ewwel fażi għandha l-għan li tlaqqam madwar 200,000 residenti fi djar tal-anzjani sal-aħħar ta’ dan ix-xahar jew sal-bidu ta’ Frar. Wara jkun imiss lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u eventwalment, sa mhux aktar tard minn tmiem Settembru, jitlaqqmu l-Belġjani kollha.

Wieħed jaħseb li dan il-pajjiż għandu vantaġġ fuq oħrajn minħabba li l-produzzjoni tal-Pfizer issir proprju hawnhekk. Għalkemm huwa minnu li hemm il-vantaġġ tad-distribuzzjoni, il-Belġju ma jistax jieħu kemm irid tilqim minħabba r-regoli ferm stretti tal-Kummissjoni tal-UE. 

Wara li l-Pfizer taw lill-Belġju garanzija li se jkun hemm konsenji garantiti tat-tilqima, l-awtoritajiet federali tal-Belġju adottaw strateġija oħra – dik li jlaqqmu kemm jista’ jkun nies mingħajr ma jżommu r-riserva tat-tieni doża għal meta jerġa’ jkun imissihom tliet ġimgħat wara.

Spanja 

Spanja bdiet tagħti l-ewwel tilqim fis-27 ta’ Diċembru. S’issa tqassmu 743,925 doża lill-amministrazzjonijiet reġjonali. Il-ministeru tas-saħħa lokali ħabbar li kważi 300,000 persuna diġà tlaqqmu u l-għan tal-koalizzjoni governattiva hija li fi żmien 12-il ġimgħa jlaqqmu 2.3 miljun persuna. L-anzjani li jgħixu fid-djar huma prijorità, kif ukoll dawk li jieħdu ħsiebhom u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa pubblika.

Is-17-il reġjuni ta’ dan il-pajjiż għandhom l-amministrazzjoni tas-sistema tas-saħħa f’idejhom u għandhom jirċievu ammont ta’ dożi skont il-popolazzjoni tagħhom. Il-pandemija kienet ir-raġuni li beda konflitt politiku bejn il-gvern lemini u l-oppożizzjoni xellugija fejn dawk fit-tmexxija huma akkużati li m’humiex kapaċi jmexxu f’dan il-perjodu tant inċert.

Minkejja t-tilqima hija fuq bażi volontarja, il-gvern qal li se jirreġistra lil dawk kollha li jeħduha. Din l-inizjattiva tat bidu għal kontroversja iżda l-awtoritajiet qalu li din ir-reġistrazzjoni se ssir biss biex jaraw eżattament għala hemm persuni li qegħdin jirrifjutaw li jitlaqqmu.

Share With: