Il-PM iħabbar miżuri ġodda: restoranti jagħlqu fil-11 p.m., u attenzjoni akbar għal proprjetajiet li jinkrew waqt il-Karnival

Restoranti għandhom jibqgħu magħluqin bejn il-11.00 p.m. u s-6.00 a.m. tul ix-xahar ta’ Frar bħala parti mill-miżuri biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Ħabbar dan il-Prim ministru robert Abela waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar miżuri ġodda b’rabta mal-pandemija.

Huwa tenna li r-restrizzjonijiet se jkunu qed japplikaw għal snackbars u kioks f’tentattiv li ma tkunx reġistrata żieda kbira fin-numru ta każi matul tmiem il-ġimgħa tal-karnival.

Filwaqt li kien diġà ħabbar li bars se jkunu qed jinżammu magħluqin, huwa qal li l-Gvern se jkun qed iżid l-għajnuna lil dawk affettwati mill-miżuri għal €2.2 miljun.

Abela ħabbar ukoll miżuri ġodda b’rabta ma’ vjaġġar fuq il-vapur bejn Malta u Għawdex, fejn qal li dawk li se jkunu qed jaqsmu l-fliegu bil-karozza se jkunu qed jintalbu biex jibqgħu fil-vetturi tagħhom.

Fl-istess waqt qal li se terġa’ tibda tittieħed it-temperatura lil dawk kollha li se jkunu qed jivvjaġġaw bil-vapur bejn il-11 u s-17 ta’ Frar. Tenna wkoll li se tkun qed tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq, b’mod partikolari fin-Nadur, ix-Xlendi, Marsalforn u r-Rabat.

Żied jgħid li l-vapur se jkun qed ikompli jopera b’nofs il-kapaċità tiegħu, huwa wissa li ma tistax terġa’ tirrepeti l-istess sitwazzjoni bħall-passat.

Huwa għamel ukoll referenza għall-postijiet ta’ akkomodazzjoni, u saħaq li spetturi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jkunu qed jagħmlu spezzjonijiet biex ikun aċċertat li ma jkunx hemm folol kbar.

Intant waqt li indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li waħda mir-raġunijiet għar-restrizzjonijiet il-ġodda li tħabbru llum kien minħabba li numru ta’ restoranti kienu qed joperaw bħala bars.

Tenna wkoll li l-awtoritajiet tas-saħħa nnotaw li dak li ma kienx permess fi stabbilimenti, kien qed jitħalla jsir f’akkomodazzjonijiet tal-kiri. Għaldaqstant qal li l-Gvern se jkun strett dwar dak il-persuni li se jkunu qed jikru l-proprjetajiet tagħhom.

Min-naħa tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika charmaine Gauci qalet li l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ kienu bbażati fuq iż-żidiet f’każi ġodda li kienu reġistrati waqt il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Share With: